Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum id-Duluri minn Ta’ Ġieżu, Valletta


Il-Ġimgħa, 3 ta’ Marzu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum id-Duluri minn Ta’ Ġieżu, Valletta …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ta’ kull sena aħna l-Maltin u l-Għawdxin nieqfu ħdejn is-salib ta’ Ġesù maġenb ommu. Kulħadd jista’ jimmaġina d-dulur tal-omm li tara lil Binha l-għażiż ikkundannat għall-mewt, għall-mewt tassew kiefra.

Aħna qegħdin hawnhekk f’dan il-post għażiż li jħaddan dan il-kurċifiss straordinarjament qawwi fl-espressjoni artistika tiegħu li aħna lkoll nafuh bħala l-Kurċifiss mirakoluż. Il-poplu Malti u Għawdxi dejjem dar lejn din ix-xbieha ta’ Ġesù msallab, jitlobha fil-mumenti iebsa. F’mument bħal dan qegħdin ngħixu, mument iebes għal ħafna u ħafna nies, għal kull wieħed u waħda minna.

Il-patrijiet Franġiskani, nixtieq nirringrazzjahom talli laqgħuna hawnhekk, illum ġabu x-xbieha għażiża tad-Duluri li bħal-lum kienet toħroġ fit-toroq tal-Belt Valletta b’ħafna u ħafna nies isegwuha, jitolbu r-rużarju b’tant qima u devozzjoni.

Hawnhekk f’din il-kappella għażiża llum idealment hawn ix-xena li kien hemm fuq il-Golgota, fuq l-għolja tal-Kalvarju. L-omm itturufnata, l-istallett tad-dulur jinfidha, imbikkma tara lil Binha jmut mewta tremenda. Bla dubju l-ħsieb tagħha mar f’dak l-episodju meta t-tifel tagħha Ġesù kellu biss 40 jum, ippreżentatu fit-tempju u Xmun qalilha li t-tifel kellu jkun: “Dawl għall-ġnus, glorja ta’ Iżrael” (Lq 2:32). Imma qalilha wkoll li kellu jkun “sinjal li jmeruh”, dar lejha u Xmun qalilha: “U lilek sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35). Minn dik l-espressjoni ta’ Xmun aħna dejjem infakkru li Marija Addolorata minfuda bis-sejf tan-niket.

Illum f’dawn iċ-ċirkustanzi speċjali partikolari, il-ħsieb tiegħi jmur lejn tant persuni, b’mod speċjali lill-anzjani tagħna li għall-ġid tas-soċjetà, għas-saħħa tagħhom huma mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jibqgħu d-dar. Lil kull min qiegħed isegwina, jiena nagħtih it-tislima u l-barka pastorali tiegħi.

Fl-14 ta’ Settembru li ġej, li hi l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, nagħmlu pellegrinaġġ nazzjonali bil-Kurċifiss mirakoluż. Nitolbu biex għal dik id-data nkunu meħlusa minn din il-burraxka.

Imma l-ħsieb tiegħi jmur ukoll lejn dawn il-200 persuna kważi li ormaj intlaqtu minn dan il-virus tant kattiv, nawguralhom is-saħħa. Il-Mulej iġibilna żewġ u din il-burraxka li ħakmet id-dinja u li ħakmet ukoll fostna, il-Mulej jgħaddina minna bl-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija Addolorata u bil-qawwa ta’ Ġesù Kurċifiss kemm jista’ jkun malajr u b’mod tajjeb.

Il-ħsieb tiegħi ukoll imur għal tant staff mediku, l-awtoritajiet tal-isptar Mater Dei u ta’ sptarijiet oħrajn, il-konsulenti, it-tobba, in-nurses, il-paramediċi li llum huma dawk li qegħdin qrib is-salib ta’ ħafna morda. Jidħlu propju fl-ispiritwalità u fil-qawwa ta’ Sidtna Marija, huma dawn in-nies.

Jiena nixtieq nagħlaq din ir-riflessjoni qasira tiegħi b’talba li kiteb tabib, tabib li kien ukoll espert fil-mard jittieħed, Rużar Briffa li quddiem il-Madonna tad-Duluri ma ħassx li kellu jġibilha deheb u fidda imma lilu nnifsu: il-qalb imnikkta tiegħu:

O Madonna tad-Duluri,
mhux il-ward jien fittixt
ħa nsebbaħ darek u nfewwaħlek lil artalek
imma x-xewk minn qalb ix-xagħri u għollieq marrad musfari.
O Madonna tad-Duluri, dana biss

O Madonna tad-Duluri,
l-oħrajn ġew u bid-deheb għammru lil darek
u bil-ħaġar sawru artalek
Jiena biss kont il-barrani
mingħajr ward u deheb il-għani, jiena biss

O Madonna tad-Duluri
ma stmerrejtx int l-imnikket ġewwa darek,
imma tbissimt minn fuq artalek,
kollok ħlewwa, kollok ħniena
serraħt int lil qalb għajjiena, inti biss.

Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-membri kollha, lid-diriġenza tal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss, lill-Patrijiet Franġiskani, aħna nafuhom il-Patrijiet ta’ Ġieżu, talli aċċettaw l-istedina tiegħi li, jekk Alla jrid, jekk l-awtoritajiet ikunu diġà taw il-permess li jistgħu jsiru manifestazzjonijiet bil-konkorrenza tal-poplu, fl-14 ta’ Settembru li ġej, li hi l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, nagħmlu pellegrinaġġ nazzjonali bil-Kurċifiss mirakoluż. Nitolbu biex għal dik id-data aħna nkunu meħlusa minn din il-burraxka.

Sidtna Marija tad-Duluri, itlob għalina.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rumani 8:31b-39
Salm: 17
Evanġelju: Ġw 19:25-27