Ejjew ngħixu s-sinifikat profond tal-ħasil tas-saqajn billi nieħdu ħsieb xulxin


Il-Ħamis, 9 ta’ April 2020 (Ħamis ix-Xirka): Quddiesa u Adorazzjoni mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof f’Ħamis ix-Xirka 2020 …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jiena tajtkom eżempju” (Ġw 13:15). Illum għalhekk iltqajna biex niċċelebraw u nfakkru dan l-eżempju. “Jiena tajtkom eżempju biex” kif ħabbejtkom jien, “kif għamilt jien magħkom, hekk intom tagħmlu lil xulxin” (Ġw 13:15).

U jekk irridu nagħsru l-eżempju ta’ Ġesù f’kelma waħda, m’hemmx kelma aħjar mill-kelma ‘imħabba’. L-Appostlu Missierna, meta jitkellem fuq il-fidi, it-tama, l-imħabba jgħid “l-ikbar hija l-imħabba”. Jgħallimna wkoll li fl-imħabba hemm il-milja tal-Liġi u l-Profeti, ta’ dak kollu li Alla jixtieq jgħidilna, jixtieq jgħarrafna dwaru nnifsu u jixtieq jgħallimna. L-appostlu San Ġwann, dak li bħal-lum qiegħed rasu fuq sider Ġesù, jgħidilna “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4:8).

“Jiena tajtkom eżempju”. Ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn li aħna niċċelebraw f’ċirkostanzi normali, din is-sena m’aħniex se niċċelebrawh bħala rit imma hemm bżonn ngħixuh fis-sinifikat profond tiegħu.

Nixtieq l-ewwel nett insellem lil kull min qiegħed isegwina, imma l-ħsieb tagħna lkoll kemm aħna jmur lejn dawk kollha li qegħdin fl-isptarijiet tagħna, fl-istituzzjonijiet residenzjali tagħna id-djar tal-anzjani, iċ-ċentri tar-rijabilitazzjoni taż-żgħażagħ tagħna, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. F’dawn l-ambjenti kollha hemm nies li qed jagħtu ħajjithom biex ikunu mhux biss garanzija ta’ sikurezza imma wkoll eżempju ta’ mħabba konkreta.

Aħna magħżulin mhux għax iżjed bravi jew iżjed qaddisin, imma b’misteru tal-ħniena u l-paċenzja kontinwi tal-Mulej. Magħżulin biex lill-poplu ta’ Alla noffru l-Ewkaristija.

Intom taqblu miegħi, kull min qiegħed isegwini, li llum l-ħsieb tagħna jmur b’mod partikolari lil kull min qiegħed jagħti sehmu fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex il-pazjenti jkollhom il-kura neċessarja. U nixtieq li din l-Ewkaristija, li fiha nfakkru l-għotja ta’ Ġesu, tkun ukoll għajn ta’ faraġ u qawwa għal kull wieħed u waħda minna.

Illejla aħna nieqfu fl-adorazzjoni ta’ Ġesu li bħal-lum waqqaf il-misteru kbir u s-sagrament l-iżjed għoli tal-Ewkaristija: “Għamlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24). Hu waqqaf is-saċerdozju proprju b’din il-kelma għażiża. Aħna magħżulin mhux għax aħna iżjed bravi jew iżjed qaddisin, imma b’misteru tal-ħniena u l-paċenzja kontinwi tal-Mulej. Magħżulin biex lill-poplu ta’ Alla noffru l-Ewkaristija.

Qegħdin ngħixu fi żminijiet meta aħna s-saċerdoti ma nistgħux inwasslu l-Ewkaristija kif nixtiequ lill-poplu tagħna. Illum lill-poplu qegħdin nistednuh jingħaqad magħna b’mod spiritwali permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali imma t-talba tagħna hija li ma jkunx ’il bogħod il-jum meta nerġgħu niltaqgħu fil-knejjes tagħna, niċċelebraw flimkien bħala familja waħda ċ-ċelebrazzjoni tal-imħabba ta’ Ġesù għalina u li lkoll kemm aħna, rikonċiljati miegħu permezz tas-sagrament tal-qrar, nersqu lejn it-tqarbin bil-Ġisem u d-Demm għażiż tiegħu.

Nitolbu lill-Mulej illum li jfakkarna fl-eżempju tiegħu u li dak li ma nistgħux nagħmlu fir-rit tat-tifkira tal-ħasil tar-riġlejn, insarrfuh billi nieħdu ħsieb xulxin kontinwament u b’mod speċjali ma ninsew qatt dawk li fostna għandhom l-ikbar bżonn.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 61, 1-3a.6a.8b.9
Salm: 88 (89), 21-22.25.27
Qari II: Apok 1, 5-8
Evanġelju: Lq 4, 16-21