Sibt il-Għid 2020: Il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet


Sibt il-Għid, 11 ta’ April 2020: Il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof…

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed” (Mt 28:6). Dan hu l-messaġġ li l-anġlu jagħti lil Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra li marru fl-ewwel jum tal-ġimgħa maż-żerniq jaraw il-qabar. L-anġlu ma jurihomx lil Ġesù rxoxt. L-ebda Evanġelju ma jiddeskrivilna l-mument tal-qawmien ta’ Ġesù. L-Evanġelju jinsisti fuq il-post fejn kienu qegħduh. Dan il-post għadu magħna sal-lum.

Aħna l-Insara, ’k Alla jrid tgħaddi din il-burraxka minn fuqna u nkunu nistgħu nerġgħu nivvjaġġaw, mistednin li almenu darba f’ħajjitna nagħmlu pellegrinaġġ għal dan il-post li għadu magħna: il-qabar vojt fejn kienu qiegħdu lill-Mulej. Għaliex aħna meta mmorru lejn il-qabar ta’ Ġesù, ma nfittxu l-ebda katavru. Aħna l-qabar inqimuh bħala l-post fejn kienu qiegħdu l-Imgħallem.

Lill-Mulej jgħidilhom li se jarawh: “Sejjer il-Galilija qabilkom, tarawh hemmhekk” (Mt 28:7). U l-anġlu lil dawn iż-żewġ nisa, lil Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra, jagħtihom din il-missjoni “Araw għidtulkom” (Mt 28:7). Nistgħu ngħidu li f’din it-tħabbira tal-Għid skont l-Evanġelju ta’ San Mattew, għal tliet darbiet l-anġlu jistieden lil dawn iż-żewġ nisa, li fis-soċjetà ta’ żmienhom ma kellhom l-ebda kredibbiltà imma issa llum f’dan il-jum ġdid huma l-ewwel bnedmin li jilqgħu l-ikbar aħbar. Dawn iż-żewġ nisa għal tliet darbiet jisimgħu din l-istedina: “Araw, araw il-post fejn kien qiegħed, araw il-qabar vojt, araw sejjer il-Galilija qabilkom tarawh hemmhekk, arawh, għidtulkom (ara Mt 28: 6-7).

Aħna kif se naraw? Ħin minnhom Ġesù lil Tumas jgħidlu: “Henjin dawk li ma jarawx u jemmnu” (Ġw 20:29). Aħna naraw bl-għajnejn tal-fidi, imma din xi tfisser li tara bl-għajnejn tal-fidi? Hija li inti jkollok sens profond ibbażat ukoll fil-fiduċja f’Alla li l-Kelma tiegħu ma tonqosx. U dan huwa l-ferħ li jimla l-Knisja kollha l-lejla. Anke f’dan il-mument diffiċli, il-kelma tal-Mulej mhux se tonqos.

Jiena u nitlob it-talba tal-Knisja llum wara s-seba’ qari, ħassejt li għandi nissellef il-kliem tal-Knisja biex inwassal il-messaġġ tiegħi f’dan il-lejl qaddis lill-poplu tagħna. X’titlob il-Knisja wara li tkun qrat il-profezija ta’ Eżekjel li tgħid hekk: “Inroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida u ruħ ġdida inqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha” (Eż 36:25-26).

Illum f’ġieħ l-irxoxt tal-Mulej Ġesù, f’dan il-lejl qaddis ejjew nitolbu fuq kull wieħed u waħda minna l-grazzja li l-qalb tal-ġebel tagħna ddub quddiem il-ħniena u l-maħfra li qed juri magħna l-Mulej. U niftħu beraħ qalbna biex tkun qalb tal-laħam. Il-Mulej huwa ħerqan li jsaffina mit-tinġiż kollu tagħna, isaffina mill-idoli kollha tagħna, irid jagħtina qalb u ruħ ġdida.

Ma nistgħux inkomplu, meta naħsbu f’ħaddieħor anke fil-barrani, ikollna l-qalb tal-ġebel. Il-Mulej ħerqan li jpoġġi ġo fina l-qalb tal-laħam, imma aħna nixtiquha?

U t-talba tagħna hija li din il-burraxka li għaddejjin minnha u li ma nafux meta se ngħaddu minnha, biex inkunu sinċieri, almenu twassalna għal din il-ħaġa: li aħna nibdew naraw b’mod ġdid. “Araw, araw għidtulkom” (Mt 28:7). It-talba tal-Knisja, wara li nkunu smajna f’dan il-lejl il-profezija ta’ Eżekjel li twiegħed it-tisfija tagħna mit-tinġiż kollu tagħna u tagħtina qalb tal-laħam ġdida, hija din: “Ħa tara u tifhem, ħa tara u tifhem id-dinja kollha li kulma ġġarraf jerġa’ jinbena, kulma qdiem jiġġedded, u kollox jerġa’ isir sħiħ” (mit-talba ta’ wara s-salm).

Din hija l-profezija, din hija l-kelma li biha llum il-Mulej f’dan l-Għid qaddis irid iqawwi l-poplu tiegħu fit-tama: “kollox jerġa’ jsir sħiħ”. U l-anġlu bilqiegħda fuq dik il-ġebla, wara li werwer lis-suldati u riegħed l-art, jgħidilna “Araw għedtulkom” (Mt 28: 7). Kollox jerġa’ jsir sħiħ għax il-Kelma tal-Mulej ma tonqosx.

Imma aħna xi rridu nagħmlu? Il-Mulej x’qed jitlob minna imma llum? Għax jekk il-Mulej kapaċi jagħmel dan kollu jrid imma isib fina u fostna d-disponibbiltà li nilqgħu l-ħniena tiegħu, il-maħfra tiegħu, il-paċi li jrid jagħtina. Aħna ma jistax ikun li nibqgħu nużaw għal xulxin il-qalb tal-ġebel. Ma nistgħux inkomplu, meta naħsbu f’ħaddieħor anke fil-barrani, ikollna l-qalb tal-ġebel. Il-Mulej ħerqan li jpoġġi ġo fina l-qalb tal-laħam, imma aħna nixtiquha? Irridu tassew niċċelebraw dan l-Għid li huwa passaġġ: huwa mixja mill-mewt għall-ħajja, mid-dlam għad-dawl, mill-qalb tal-ġebel għall-qalb tal-laħam.

Is-Seminarju tal-Arċisqof sar residenza għal 100 carer tad-djar tal-anzjani tagħna. Hekk ukoll id-djar tal-irtiri tal-Ġiżwiti Mount St Joseph se tilqa’ 50 carer.

Għaliex bħalma qalilna l-Papa Franġisku fis-27 ta’ Marzu, Alla mhux interessat li jiġġudikana jew jikkastigana. Alla hu interessat li aħna nagħmlu ġudizzju u nagħrfu x’inhu l-iżjed importanti fil-ħajja, nagħżlu l-blat samm u l-ħaġar prezzjuż mill-ħuxlief u s-sikrana u t-tiben u l-frugħa. Dan huwa l-mument mhux tal-ġudizzju ta’ Alla, kif jgħid il-Papa Franġisku, imma tal-ġudizzju tiegħi. Jiena nifhem biċ-ċirkustanzi li qegħdin idawruni, li jiena daqs ħaddieħor vulnerabbli, daqs ħaddieħor nista’ nispiċċa f’qiegħ ta’ sodda jew b’xi ventilator. Imma meta nindunaw kemm aħna dgħajfa, kemm aħna vulnerabbli, ma nagħmlux hekk biex niddispraw jew naqtgħu qalbna imma biex nifhmu li anke f’dan id-dlam u fl-ansjetà u f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Mulej qed jistedinna biex naraw u nifhmu. “Ħa tara u tifhem id-dinja kollha li kulma ġġarraf – u kemm iġġarrfu affarijiet fi ħmistax, fi tliet ġimgħat: investimenti, proġetti ta’ kull kwalità – kulma ġġarraf, jerġa’ jinbena” basta nħarsu l-ambjent. “Kulma qdiem jiġġedded” imbasta jkun mod sostenibbli u kollox jerġa’ jsir sħiħ.

Illum huwa dover tiegħi f’dan il-lejl qaddis tal-Għid, insellem lil tant nies li qegħdin jagħtu ħajjithom għas-sikurezza tal-pajjiż biex aħna ngawdu saħħitna, biex inkunu nistgħu nieħdu ħsieb il-morda tagħna, insibu fejn hemm il-mard u nipprevenu. Imma nixtieq ukoll insellem lil dawk li rċevew dik il-famuża ittra biex toqgħod ġewwa. Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna noffru wkoll dawn is-sagrifiċċji għall-ġid tagħna, għas-saħħa tagħna, imma wkoll għas-saħħa ta’ ħutna.

Insellem lil carers f’tant residenzi tal-anzjani, fl-isptarijiet, fil-ħabs, f’residenzi oħrajn li qegħdin ukoll jagħtu ħajjithom billi ma jmorrux għand il-familji tagħhom biex ma jxerrdux il-mard u lanqas iwasslu l-mard fejn qegħdin jaħdmu. Is-Seminarju tal-Arċisqof sar residenza għal 100 carer tad-djar tal-anzjani tagħna. Hekk ukoll id-djar tal-irtiri tal-Ġiżwiti Mount St Joseph se tilqa’ 50 carer. Anke għaliex dak kollu li għandna bħala komunità d-djoċesani, ir-reliġjużi jrid ikun ta’ servizz għandu bżonn u qed ikun ta’ servizz għall-komunità f’dan il-mument.

Imma jiena nixtieq insellem ukoll lill-patrijiet Kappuċċini li qegħdin jgħixu Mater Dei: lil Fr Bertrand, Fr Mario, Fr Elmar. Insellem lil Fr Hayden li qiegħed jgħix il-ħabs mal-ħabsin u nsellmilhom lil ħutna li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva u mhux biss ir-residenti imma wkoll l-istaff ta’ tant istituzzjonijiet li jridu jkunu taħt reġiment partikolari.

U b’mod speċjali llejla wkoll jekk irid ikollna qalb tal-laħam ma nistgħux ninsew lil ħutna, dawk l-1,000 ruħ li hemm Ħal Far, li fosthom ukoll ġriet il-marda tal COVID-19 u għadhom hemm. Jalla l-Mulej iħarishom mill-mard. Mhux biżżejjed ngħidu għax huma żgħażagħ u jifilħu, huma wkoll ħutna. Irridu nieħdu ħsiebhom inkella ma jistax ikun għalina jkollna qalb tal-laħam u għal barrani qalb tal-ġebel. Jew għandek qalb tal-laħam jew għandek qalb tal-ġebel. Din hija l-għażla li l-Mulej jixtieq ukoll iwassalna għaliha f’dan l-Għid il-Kbir.

Fl-Evanġelju skont San Mattew l-anġlu jinżel b’qawwa u jgerbeb il-ġebla li tgħatti l-bokka tal-qabar u joqgħod fuqha. Imma jitkellem lejn in-nisa li kellhom qalb tal-laħam għal Ġesù. Il-ġebla mwarrba, il-qalb tal-ġebel hija mwarrba, illum il-Mulej irxoxt li jifdi l-ġisem fil-qawmien tiegħu mill-imwiet, dan qiegħed jitlob minna. “Ħa tara u tifhem id-dinja kollha li kulma ma ġġarraf jerġa’ jinbena, kulma qdiem jiġġedded, u kollox jerġa’ jsir sħiħ”.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 1, 1 – 2, 2
Qari I: Ġen 1, 1.26-31a
Salm: 103 (104), 1-2a.5-6.10.12.13-14.24.35ċ
Salm: 32 (33), 4-5.6-7.12-13.20.22
Qari II: Ġen 22,1-18
Qari II: Ġen 22, 1-2.9a.10-13.15-18
Salm: 15 (16), 5.8.9-10.11
Qari III: Eż 14, 15 – 15,1
Salm: Eż 15, 1-2.3-4.5-6.17-18
Qari IV: Iż 54, 5-14
Salm: 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b
Qari V: Iż 55, 1-11
Salm: Iż 12, 2-3.4bċd. 5-6
Qari VI: Bar 3, 9-15.32 – 4,4
Salm: 18 (19), 8.9.10.11
Qari VII: Eżek 36, 16-17a.18-28
Salm: 41 (42), 3.5bċd; 42 (43), 3.4
Salm: 50 (51), 12-13.14-15.18-19
Salm: 117 (118), 1-2.16ab-17.22-23
Evanġelju: Mt 28, 1-10