Teżor u ġawhra


Il-Ħadd, 26 ta’ Lulju 2020: Omelija f’Quddiesa tas-17-il Ħadd matul is-Sena mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi  fil-Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Capture.PNGa

Teżor u ġawhra

Biex Ġesù jfiehem lin-nies dak li ried jgħid, kien juża spiss it-tixbihat. Illum nixtieq li niffukaw fuq tnejn minn dawk li jsemmi fl-Evanġelju, li kellhom tifsira speċjali għan-nies ta’ żmienu: (i) it-teżor moħbi f’għalqa u (ii) il-ġawhra li negozjant isib u mbagħad jixtri lilha għax tiswa ħafna.

Ġesù jgħid li s-saltna tas-smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Forsi għalina tidher stramba li dat-teżor ikun moħbi f’għalqa, imma dak iż-żmien kien jiġri kultant li billi l-post kien ikun okkupat minn suldati ta’ pajjiż ieħor jew ta’ post ieħor, min ried jaħrab mid-dar tiegħu kien iqiegħed it-teżor moħbi f’għalqa, bil-ħsieb li ħadd ma jsibu u li jasal il-mument meta jerġa’ jirritorna lura d-dar u hemm isib it-teżor li kellu. Imma kien jiġri kultant li jgħaddu s-snin u min ħeba t-teżor imut jew forsi ma jkunx jista’ jiġi wara ħafna snin, u t-teżor jibqa’ hemm taħt. Għallhekk Ġesù qed jgħid li wieħed isib it-teżor moħbi f’għalqa, u meta jsib dan, ibigħ kulma jkollu għax sab dan it-teżor.

L-istess meta jsemmi l-ġawhar. Aħna nafu li l-ġawhar prezzjuż, imma dak iż-mien, fl-Orjent, il-ġawhra kienet xi ħaġa prezzjuża ħafna, ġieli tiswa t-tripplu tad-deheb. Għalhekk Ġesù jgħid li meta dan in-negozjant sab ġawhra tiswa ħafna, ibigħ kollox biex jixtri dik il-ġawhra.

X’inhu l-messaġġ li qed jgħid lilna llum? Ġesù hu t-teżor u l-ġawhra. Meta għandna lilu, għandna l-aqwa li jista’ jkollna. Ir-relazzjoni miegħu, il-ħajja tiegħu fina, il-kelma tiegħu – dan kollu hu t-teżor li aħna għandna ngħożżu fil-ħajja tagħna. Għalhekk mistoqsija li tajjeb nistaqsu lilna nfusna hi: kemm hu tassew fil-ħajja tiegħi rejali Ġesù l-aqwa teżor, l-isbaħ ġawhra, dik li għalija tfisser l-aqwa fil-ħajja?

Ġesù jgħid żewġ affarijiet importanti fuq dawn it-tixbihat.

L-ewwel ħaġa, jgħid li min sab it-teżor, “kollu ferħan” ibigħ kulma jkollu biex jixtri l-għalqa fejn hemm it-teżor. Nixtieq li naħsbu ftit fuq din il-kelma: “kollu ferħan”. Meta jkollna tassew lil Ġesù f’ħajjitna, hekk għandu jġib fina: dan il-ferħ. Hu l-ferħ li jnissel f’qalbna li jista’ jġibilna hu biss. Jekk il-ħajja tal-fidi tagħna, flok il-ferħ ta’ Ġesù, inqisuha bħala piż mal-ħafna piżijiet li jkollna diġa fil-ħajja, hemm xi ħaġa importanti nieqsa; għax Ġesù fina jġib tassew il-ferħ li ma jiddependix mċ-ċirkustanzi ta’ madwarna jew min-nies ta’ madwarna, imma hu frott ta’ din ir-relazzjoni tagħna miegħu.

Jgħid xi ħaġa oħra Ġesù. Kemm fil-każ tat-teżor u kemm fil-każ tal-ġawhra, jgħid li wieħed “ibigħ kulma jkollu” biex ikollu dak it-teżor jew dik il-ġawhra. Dan ifisser li aħna għandna nissagrifikaw dak kollu li jfixkel din ir-relazzjoni ma’ Alla milli tkun tassew it-teżor u l-ġawhra f’ħajjitna. Tista’ tkun xi persuna jew xi għażliet tal-ħajja li jfixklu li aħna nagħżlu lil Ġesù. Meta jkollna xi ħaġa li tingumbralna ħajjitna, u ma tħallix post għal Ġesù f’ħajjitna, inkunu qisna – biex inkompli mat-tixbiha ta’ Ġesù – għaddejjin minn fuq din l-għalqa, fejn hemm it-teżor, waqt li ngħaffġu fuq it-teżor li qiegħed hemmhekk moħbi. Jista’ jiġrilna hekk f’ħajjitna, jekk aħna niddevjaw, naljenaw ruħna, u ma jkunx tassew Ġesù t-teżor u l-ġawhra tagħna.

Għalhekk dan hu li nixtieq nitlob għalina lkoll f’din il-quddiesa: li f’ħajjitna jkollna lil Ġesù bħala t-teżor u l-ġawhra, li kollox naraw fid-dawl tiegħu, għax hu jagħtina d-direzzjoni u jgħinna nagħrfu t-tajjeb u l-ħażin. Dik it-talba li fl-Ewwel Qari għamel Salamun hija t-talba li qed nagħmlu aħna fid-dawl tal-kelma ta’ Alla llum: Mulej, agħtini l-għerf. Agħtini moħħ għaref u għaqli biex nista’ nagħżel tassew it-triq it-tajba. Għalhekk nagħmlulu din it-talba: Agħtini l-għerf biex nista’ nagħżel lilek bħala l-aqwa teżor u l-isbaħ ġawhra ta’ ħajti.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.