Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 4 ta’ Settembru


Il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Nilqgħu l-“ġdid” li jġib Ġesù fina

“Inbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda.” Meta Ġesù qal dan il-kliem, kien fil-kuntest ta’ konflitt mal-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmienu. Fil-fatt ir-rakkont li smajna llum jiġi bejn żewġ episodji fejn qiegħed f’polemika mal-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmienu. Għalhekk nistgħu nifhmu dan il-kliem ta’ Ġesù proprju fid-dawl ta’ dan.

X’kienu d-damiġġani l-qodma? Kienet il-mentalità ta’ diversi nies fi żmien li Ġesù li tagħlqilhom qalbhom u moħhom biex ma jkunux jistgħu jilqgħu l-Aħbar it-Tajba. Kienu rabtu qalbhom ma’ diversi liġijiet, kienu riġidi ħafna, u ma setgħux għalhekk jilqgħu lil Ġesù. Fil-fatt nafu b’diversi episodji ta’ Ġesù f’polemika ma’ dawn in-nies – per eżempju, għax hu kien jiekol mal-midinbin, jew għax kien ifejjaq nhar ta’ Sibt, jew inkella hawn, fil-każ li smajna llum, fuq is-sawm. Naturalment, meta qed ngħidu fuq din il-mentalità, m’aħniex qed ngħidu li dak li kien hemm fit-Testment il-Qadim kien ħażin. Anzi, kien hemm ħafna affarijiet tajbin. Fuq kollox kien hemm il-kmandamenti ta’ Alla li ma jiqdimux. Imma Ġesù kien qed jgħid, kif kien spjegaha ċar: intom warrabtu l-kmandamenti ta’ Alla biex eżaltajtu r-regolamenti tagħkom li ħloqtu intom. Hija din il-mentalità qadima, huma dawn id-damiġġani l-qodma.

X’inhu l-inbid ġdid? Hija din il-ħajja ġdida li ġab Ġesù. Il-ħajja ta’ Ġesù li lilna tagħtina tassew sens u timla l-qalb tagħna. Kif kien spjega Ġesù: Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Hija din l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla – l-imħabba li tirbaħ fuq il-mibegħda, it-tajjeb li jirbaħ fuq il-ħażin, il-ħajja li tirbaħ fuq il-mewt.

Għalhekk meta Ġesù qed jgħid li nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda, qed jgħid kemm hi importanti din il-mentalità li tilqa’ lil Ġesù, li ma tkunx daqshekk magħluqa – moħħ magħluq u qalb magħluqa – li ma tistax tilqa’ lil Ġesù. Għalhekk hu jitkellem ukoll fuq id-drapp il-qadim li ma traqqgħux billi taqta’ biċċa ġdida u tpoġġiha hemm. Ma ssolvi xejn billi tagħmel hekk. Ma ssolvi xejn billi int iżżid ma’ dak li soltu tagħmel xi prattiċi reliġjużi ġodda, għax mhix xi ħaġa minn barra l-bidla li ġab Ġesù imma minn ġewwa, mill-qalb.

Nafu li dan il-kliem ta’ Ġesù fehmuh l-ewwel Insara, il-Knisja fil-bidu tagħha, fejn kien hemm bżonn ċerti għazliet; u nifhmuh aħna wkoll. Dan il-kliem ta’ Ġesù jgħodd għalina personali fil-ħajja tagħna, u jgħodd ukoll għall-ħajja pastorali tal-Knisja. Nafu li hemm dejjem din l-isfida: li aħna nagħrfu dak li hu antik u nibqgħu nżommuh għax hu tajjeb, u dak li qdiem u hemm bżonn jinbidel. Nafu li kultant ikun hemm min jirraġuna u jgħidlek: “din dejjem hekk saret!” Papa Franġisku jitkellem fuq dan, u jgħid li din mhix raġuni pastorali; jekk ħaġa dejjem hekk saret, mhux bilfors illum trid issir bl-istess mod. Anke meta ngħidu “dejjem hekk saret”, ħafna drabi tkun ilha għexieren ta’ snin, mhux minn żmien Kristu ilha ssir hekk!

Għalhekk it-talba li nagħmlu llum hi għalina personali kif ukoll għall-Knisja, biex aħna nagħrfu, bl-għajnuna ta’ Alla, niddistingwu dak li hu antik ta’ valur li għandna ngħożżu għax hu prezzjuż; u dak li qdiem u hemm bżonn jinbidel biex inkunu nistgħu nilqgħu tassew il-messaġġ ta’ Ġesù llum fil-ħajja tagħna. Nitolbuh din il-grazzja – li aħna fil-ħajja tagħna nilqgħuh, iġib fina fejn hemm bżonn tiġdid u bidla fil-mentalità, ma nkunux kuntenti li nillapazzaw fil-ħajja tagħna reliġjuża, imma nħalluh iġib il-ġdid fina illi jagħtina tassew il-ħajja.


Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.