Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha.
Dewt 6, 4-13

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.

Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum; torbothom b’sinjal ma’ idek u ddendilhom bejn għajnejk. U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek.

Il-Mulej, Alla tiegħek, idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, li jagħtiha lilek, bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx; u djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’. Qis li ma tinsiex lill-Mulej, li ħarġek mill-Eġittu, minn dar il-jasar. Tibża’ mill-Mulej, Alla tiegħek, lilu sservi u taħlef b’ismu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 17 (18), 2-3a.3bċ-4.47 u 51ab

R/. (2): Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi. R/.

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ il-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kieku għandkom il-fidi ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.
Mt 17, 14-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed raġel niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma. Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh”. Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn”. Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq.

Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”. U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja: “Warrab minn hawn u mur hemm”, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading