Qari tal-Quddies tad-Dsatax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi sa ma wasal fil-muntanja tal-Mulej.
1 Slat 19:4-8

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, inxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!”.

U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad. Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: “Qum u kul!”. Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd.

Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek”. Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 33(34):2-3,4-5,6-7,8-9

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

QARI II
Imxu fl-imħabba, bħal Kristu.
Efes 4:30–5:2

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa. Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu. Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema.
Ġw 6:41-51

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.

Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading