Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-XX ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Nagħomi u Rut il-Mowabija waslu Betlehem.
Rut 1, 1.3-6.14b-16.22

Qari mill-Ktieb ta’ Rut

Fi żmien meta kienu jaħkmu l-imħallfin, kien hemm l-għaks fil-pajjiż. Kien hemm raġel minn Betlehem ta’ Ġuda li mar joqgħod fl-inħawi ta’ Mowab, hu, martu u ż-żewġ uliedu.

Ġara li miet Elimelek, żewġ Nagħomi, u baqgħu hi u ż-żewġ uliedha. U dawn ħadu b’nisa tagħhom tnejn mill-Mowabin: waħda jisimha Għorfa, u l-oħra Rut; u qagħdu hemm għal xi għaxar snin. U mietu ż-żewġ irġiel Maħlon u Kiljon; u l-mara baqgħet weħidha mingħajr iż-żewg uliedha u żewġha. Qamet hi u n-nisa ta’ wliedha biex jerġgħu lura mill-inħawi ta’ Mowab, għax kienu semgħu f’Mowab li l-Mulej kien ħaseb fil-poplu tiegħu, u pprovdielhom il-ħobż.

Għorfa bieset lil omm żewġha, imma Rut baqgħet imqabbda magħha. Nagħomi qaltilha: “L-armla ta’ ħu żewġek reġgħet lura għand niesha u l-allat tagħha. Mur lura int ukoll, bħall-armla ta’ ħu żewġek”. U Rut wieġbet: “Iġġagħalnix nitilqek u nerġa’ lura minnek; fejn tmur int, immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien; niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi”.

U hekk reġgħet lura Nagħomi u Rut il-Mowabija, mart binha, magħha, mill-inħawi ta’ Mowab. Kien żmien il-ħsad tax-xgħir meta waslu Betlehem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 145 (146), 5-6.7.8-9a.9bċ-10

R/. (1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu,
min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,
li għamel is-sema, l-art u l-baħar,
u kulma jinsab fihom. R/.

Hu li jżomm kelmtu għal dejjem,
li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 24 (25), 4b.5a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Mulej, għallimni, il-mogħdijiet tiegħek.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek u ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
Mt 22, 34-40

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif Ġesù lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”.

Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading