Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-XX ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Min joħroġ jilqagħni l-ewwel minn bieb dari, ikun tal-Mulej u noffrihulu b’sagrifiċċju.
Imħ 11, 29-39a

Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin

F’dak iż-żmien l-ispirtu tal-Mulej ġie fuq Ġeftaħ, li għadda minn Gilgħad u Manassi għal Misfa ta’ Gilgħad u baqa’ sejjer lejn ulied Għammon.

U Ġeftaħ għamel wegħda lill-Mulej u qal: “Jekk inti terħi f’idejja lil ulied Għammon, min joħroġ jilqagħni l-ewwel minn bieb dari, meta nerġa’ lura bis-sliem minn quddiem l-Għammonin, ikun tal-Mulej u noffrihulu b’sagrifiċċju tal-ħruq”.

U Ġeftaħ għadda lejn l-Għammonin biex jaħbat għalihom, u l-Mulej irħiehom f’idejh. U kissirhom minn Għarogħer sa tasal sa Minnit – għoxrin belt b’kollox – u sa Abel-Keramin f’taqtigħa kbira sewwa. U hekk ulied Iżrael kaxkru lil ulied Għammon minn quddiemhom.

U Ġeftaħ mar Misfa lejn daru, u hemm jilmaħ lil bintu ħierġa tilqgħu bit-tnabar u ż-żfin; kienet bint waħdanija tiegħu u ma kellux ħliefha, la subien u lanqas bniet. U malli raha ċarrat ħwejġu, u beda jgħajjat u jgħid: “Jaħasra binti, int ħawwadtni sewwa, int l-inkwiet tiegħi! Tajt kelma lill-Mulej, u ma nistax nerġa’ lura minnha!”.

U hi weġbitu: “Missier, int ftaħt fommok quddiem il-Mulej, agħmel minni skont ma ħareġ minn fommok, la darba l-Mulej tak li titħallas mill-għedewwa tiegħek, ulied Għammon”. U ssuktat tgħid lil missierha: “Dan biss nitolbok tagħtini: ħallini mmur niġġerra għal xahrejn fuq l-għoljiet nibki xbubiti, jiena u sħabi”.

U hu qalilha: “Mur”. U ħallieha tmur għal xahrejn; u marret, hi u sħabha, u bkiet xbubitha tiġġerra fuq l-għoljiet. U fi tmiem ix-xahrejn reġgħet lura għand missierha u dan għamel minnha li kien wiegħed.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 39 (40), 5.7-8a.8b-9.10

R/. (ara 8a u 9a): Hawn jien, ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu,
u ma jmurx mal-kburin,
mogħtija għall-gideb. R/.

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 94 (95), 8ab:

Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Sejħu għall-festa lil kull min issibu.
Mt 22, 1-14

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ qabad ikellem lill-kbarat tal-qassisin u lill-fariżej bil-parabboli u qalilhom: “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk l-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.

Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u jdejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”.

Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d