Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
QARI I
Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd.
1 Tess 3, 7-13
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Ħuti, aħna għamilna l-qalb, minħabba fikom u l-fidi tagħkom, fin-niket u t-tbatijiet tagħna. Issa ngħixu għax intom sħaħ fil-Mulej. Kif nistgħu niżżu ħajr lil Alla għal dan il-ferħ kollu li għandna minħabba fikom quddiem Alla tagħna! Lejl u nhar nitlob fuq li nitlob biex nara lil wiċċkom u ntemm kulma jonqos fil-fidi tagħkom. Mhux li kienu Alla nnifsu, Missierna, u Sidna Ġesù Kristu jwittulna t-triq għal għandkom!
Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 89 (90), 3-4.12-13.14 u 17
R/. (14): Imliena, Mulej, bit-tieba tiegħek
Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin”.
Elf sena huma għalik
bħal jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.
Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.
Imliena kmieni bit-tieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 24, 42a.44
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa
li fiha jiġi Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Kunu lesti.
Mt 24, 42-51
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem. Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.
Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih li ħaqqhom in-nies ta’ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu