Qari tat-Tlieta tat-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Il-profeti ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom; għalhekk kunu rżina u ittamaw fil-grazzja li għad tingħatalkom.

1 Piet 1, 10-16

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież, il-profeti, li ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom, stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni; huma kienu jitkixxfu l-mod u f’liema żmien kien qiegħed jaħseb l-Ispirtu ta’ Kristu, li kien fihom, meta kien jixhdilhom minn qabel it-tbatijiet ta’ Kristu u l-glorji tiegħu li kellhom jiġu warajhom. Lilhom kien mgħarraf li mhux għalihom infushom, imma għalikom, kien jiswa dak li huma kienu jħabbru, u li issa kien imxandar lilkom minn dawk li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu mibgħut mis-sema, qegħdin jagħtukom l-Evanġelju. Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess jixtiequ jifhmuhom sewwa. Għalhekk kunu mħażżmin fir-ruħ u rżina f’kollox; ittamaw għalkollox fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu. Bħala wlied ubbidjenti, tgħixux skont il-ġibdiet ta’ qabel, meta kontu għadkom tgħixu fl-injuranza tagħkom; iżda, bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub: “Kunu qaddisin, għax qaddis jien”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċ-4

R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

F’din id-dinja stess tirċievu għal mitt darba iktar, flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.

Mk 10, 28-31

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej. U ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar jiġu l-ewwel”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading