Qari tal-Ħames Ħadd tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħames Ħadd tar-Randan

Qari I

Sejjer nagħmel ħaġa ġdida biex nisqi l-poplu tiegħi.

Is 43, 16-21

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej,

li fetaħ triq fil-baħar,

mogħdija fl-ilmijiet qawwija;

dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,

eżerċti u rġiel qalbiena f’daqqa;

inxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux;

inħlew bħal ftila, u ntfew:

“La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi;

la taħsbux fuq dak li ġara qabel.

Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:

feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?

Se niftaħ triq fix-xagħri,

xmajjar fid-deżert.

Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,

ix-xakalli u wlied in-ngħam,

għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,

xmajjar fid-deżert,

biex nisqi l-poplu tiegħi,

il-maħtur tiegħi,

il-poplu li sawwart għalija,

biex ixandar it-tifħir tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 125 (126), 1-2ab. 2ċd-3.4-5.6

R/. (3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,

konna qisna mitlufa f’ħolma;

imbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ.

iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

Qari II

Minħabba fi Kristu ridt li nitlef kollox.

Fil 3, 8-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; 14niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġoel 2, 12-13

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,

għax jien twajjeb u ħanin.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.

Ġw 8, 1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.

Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.

Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu