L-Erbgħa
Qari I
Intom mittu ma’ Kristu. Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art.
Kol 3, 1-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. Minħabba dan tilħaq il-korla ta’ Alla lil dawk li ma jobdux. Hekk intom kontu timxu wkoll meta kontu tgħixu fihom. Iżda issa intom ukoll ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom.
Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145), 2-3. 10-11.12-13ab
R/. (9a): Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu. R/.
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 6, 23ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, jgħid il-Mulej,
għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Henjin intom il-foqra. Ħażin għalikom, intom l-għonja.
Lq 6, 20-26
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
“Henjin intom il-foqra,
għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.
Henjin intom li għalissa bil-ġuħ,
għax għad tkunu mxebbgħin.
Henjin intom li għalissa tibku,
għax għad tithennew.
Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom,
jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom
bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.
Dakinhar li jiġrilkom hekk,
ifirħu u aqbżu bil-ferħ,
għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema.
L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.
Imma ħażin għalikom, intom l-għonja,
għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.
Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin,
għax għad tkunu bil-ġuħ.
Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku,
għax għad tnewħu u tibku.
Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid.
Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu