Qari tas-Sibt tat-Tielet Ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Għaliex jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju.
Ħos 6:1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

“Imxi, ħa nerġgħu lura għand il-Mulej,
għax huwa tertaqna, imma se jdewwina,
hu sawwat, imma se jinfaxxalna l-ġrieħi.
Wara jumejn jerġa’ jagħtina l-ħajja,
imbagħad fit-tielet jum jerġa’ jqajjimna,
sabiex quddiemu ngħixu.
Nagħrfu l-Mulej, u nfittxu nagħrfuh iżjed,
daqskemm hu żgur is-sebħ, hekk il-ħruġ tiegħu;
hu jiġi bħalma tiġi x-xita fuqna,
bħax-xita mwaħħra illi ssaqqi l-art”.
U x’naqbad nagħmel jien bik, Efrajm?
X’se naqbad nagħmel bik, Ġuda?
It-tjieba tagħkom qisha s-sħab tal-għodwa,
tixbah lin-nida li tinxtorob kmieni.
Għalhekk inġarthom jiena bil-profeti,
u bi kliem fommi qtilthom,
u l-ħaqq tiegħi joħroġ qisu dawl.
Għaliex jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju;
li tagħrfu ’l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 50(51):3-4,18-19,20-21ab

R/. (Ħos 6,6): Jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju.

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;
noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek;
erġa’ ibni l-ħitan ta’ Ġerusalemm.
Imbagħad tilqa’ bil-qalb vittmi xierqa,
sagrifiċċji ta’ vittmi maħruqa u mitmuma. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 94(95):8ab

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Il-pubblikan, u mhux il-Fariżew, niżel id-dar iġġustifikat.
Lq 18:9-14

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal’. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’.

Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading