Qari tas-16 ta’ Lulju – L-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Elija jitlob għax-xita.
Slat 18: 42b-45a

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

Elija tela’ fuq il-quċċata tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qiegħed wiċċu bejn irkopptejh. U qal lill-qaddej tiegħu: “Itla’ u ħares lejn in-naħa tal-baħar”. Dak tela’, ħares, u qal: “Ma hemm xejn”. Qallu: “Erġa’ mur seba’ darbiet”. Mas-seba’ darba qabad jgħajjat: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar”. Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: ‘Arma ż-żwiemel u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita”. Malli dan, is-sema swied, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita kbira.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 14: 1-4

R/.: Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq il-għolja mqaddsa tiegħek? R/.

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassax bi lsienu,
ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru. R/.

Min ma jqisx lill-bniedem il-ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

QARI II
Għajjat bil-ferħ u nfexx fil-hena, bint Sijon.
Żakk 2, 14-17

Qari mill-Ktieb ta’ Żakkarija

Għajjat bil-ferħ u infexx fl-hena,
bint Sijon,
għaliex arani ġej
biex ngħammar f’nofsok,
oraklu tal-Mulej,
u kotra kbira ta’ ġnus
jingħaqdu dakinhar mal-Mulej;
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
U jiena ngħammar f’nofsok;
imbagħad inti tagħraf
li l-Mulej tal-eżerċti bagħatni għandek.
U l-Mulej jieħu ’l Ġuda
bħala sehmu mill-wirt fl-Art Imqaddsa,
u jerġa’ jaħtar lil Ġerusalemm!
Żommu s-skiet quddiem il-Mulej,
intom il-ħajjin ilkoll,
għax stenbaħ mill-għamara mqaddsa tiegħu!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib, ommu.
Ġw19:25-27

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek.”

Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Jew:

Medd idu lejn id-dixxipli u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti”.
Mt 12:46-50

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Kif kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk.” Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?” Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading