Qari tal-15 ta’ Awwissu – Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha.
Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

Infetaħ it-Tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-arka tal-patt tiegħu fit-Tempju tiegħu. U deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.

Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ djademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-mara li kienet sa tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert. U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u s-setgħa tal-Messija tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 44

R/. F’lemintek is-Sultan, fid-dawl tal-glorja!

Ulied is-sultan jiġu jilqgħuk,
f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.
Isma’, binti, ħares u agħti widen,
insa ’l niesek u ’l dar missierek. R/.

Jixxennaq is-sultan għal ġmielek;
u għax hu sidek, agħtih qima.
Ix-xebbiet jiġu b’għana ta’ ferħ u għajjat,
jidħlu fil-palazz tas-sultan. R/.

QARI II
L-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu.
1 Kor 15: 20-26

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, meta jerġa’ jiġi. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered il-Mewt.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara Lq 11:28

R/. Hallelujah
Marija ttellgħet fis-sema; jifirħu l-qtajja’ tal-anġli.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar: għolla ċ-ċkejknin.
Lq 1:39-56

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”

Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading