Qari tal-Erbgħa tad-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena u tal-Vġili tal-Verġni Marija mtellgħa s-Sema. (S)

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Agħmel il-marka taw fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru f’Ġerusalemm.
Eżek 9, 1-7; 10, 18-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

F’dak iż-żmien, il-Mulej għajjat f’widnejja b’leħen qawwi u qal: “Ersqu intom li se tikkastigaw il-belt, kull wieħed minnkom bl-armi qerrieda f’idu”. U ara, jersqu sitt irġiel min-naħa tal-bieb ta’ fuq, li jħares lejn it-Tramuntana, kull wieħed minnhom bl-armi f’idu biex ifarrak. F’nofshom kien hemm raġel ieħor liebes l-għażel u kellu fuq ġenbu l-meħtieġ għall-kitba. Dawn l-irġiel marru u qagħdu ħdejn l-altar tal-bronż.

Il-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael intrefgħet ’il fuq mill-kerubini, għax kienet fuqhom, u marret fid-daħla tat-tempju. 4Imbagħad il-Mulej sejjaħ lir-raġel liebes l-għażel, li kellu l-meħtieġ għall-kitba fuq ġenbu, u qallu: “Għaddi minn nofs il-belt, minn nofs Ġerusalemm, u agħmel il-marka taw fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru fiha”. U lill-oħrajn smajtu jgħidilhom: “Għaddu warajh minn nofs il-belt, u sawtu; tħossu għal ħadd u taħfruha ’l ħadd; xjuħ, żgħażagħ, xebbiet, tfal, nisa, oqtluhom sal-aħħar wieħed; imma tersqu lejn ħadd minn dawk li għandhom il-marka fuq ġbinhom. Ibdew mis-santwarju tiegħi!”. U qalilhom: “Ipprofanaw it-tempju, imlew il-btieħi tiegħi bil-maqtulin. Oħorġu!”. U huma ħarġu u bdew joqtlu fil-belt.

Imbagħad il-glorja tal-Mulej telqet mid-daħla tat-tempju, u qagħdet fuq il-kerubini; u l-kerubini fetħu ġwenħajhom, ħarġu u ntrefgħu mill-art quddiem għajnejja, bir-roti maġenbhom. Imbagħad waqfu ħdejn it-tempju tal-Mulej fid-daħla tal-bieb li jagħti għal-Lvant, bil-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael fuqhom, min-naħa ta’ fuq.

Dawn kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li kont rajt taħt Alla ta’ Iżrael ħdejn ix-xmara Kebar; u għaraft li kienu kerubini. Kull waħda mill-ħlejjaq ħajjin kellha erba’ wċuħ u erba’ ġwienaħ, b’sura ta’ id ta’ bniedem taħt ġwenħajhom. U minn suret wiċċhom kienu l-istess uċuħ li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar. Kull waħda minnhom kienet miexja ’l quddiem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 112 (113), 1-2.3-4.5-6

R/. (4b): Ogħla mis-smewwiet hu sebħ il-Mulej
jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun isem il-Mulej imbierek,
minn issa u għal dejjem! R/.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
ogħla mis-smewwiet hu sebħu. R/.

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fl-għoli?
Hu li jħares ’l isfel,
lejn is-smewwiet u lejn l-art. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.
Mt 18, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kulma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan. Tassew ngħidilkom, li kulma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kulma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

15 ta’ Awwissu
It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija
Solennità
Quddiesa tal-Vġili

Qari I
Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-Tinda.
1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, David ġema’ ’l Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itella’ hemmhekk l-arka tal-Mulej fil-post li kien waqqaf għaliha. U hu laqqa’ flimkien ’l ulied Aron u l-Leviti. Kienu dawn li ġarrew l-arka ta’ Alla, u refgħuha fuq spallejhom bil-lasti, kif kien ordna Mosè fuq il-kelma tal-Mulej. David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex iqabbdu wħud mit-tribù tagħhom u jqegħduhom bħala għannejja bl-istrumenti tad-daqq, arpi, ċetri, ċnieċel, biex isemmgħu għana u daqq li jferraħ.

Ġabu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqfilha David, u offrew quddiem Alla sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. Meta temm joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 131:6-7,9-10,13-14

R/. Qum, Mulej, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Ara, smajna biha f’Efrata,
sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.
Ħa mmorru fl-għamara tiegħu,
nixteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh. R/.

Il-qassisin tiegħek jiżżejnu bil-ġustizzja,
u l-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-ferħ.
Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,
la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. R/.

Għax il-Mulej għażel lil Sijon
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib is-serħan tiegħi għal dejjem!
Hawn irrid ngħammar, għax hawn xtaqt jiena!”. R/.

QARI II
Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15:54-57

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”. In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28

R/. Hallelujah.
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek.
Lq 11: 27-28

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”.

Iżda hu qalilha: “Imma, tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. It-tifħir lilek, Kristu.

%d