Ħsieb tas-27 Ħadd matul is-Sena – B

Minn D. Edward Vella.

Waħda mill-aktar affarijiet li jibża minnhom il-bniedem hija li jħossu waħdu. Li tħossok waħdek ma hijiex xi ħaġa sabiħa, għaliex ħafna drabi din tfisser li ma tħossokx maħbub, u għalina l-bnedmin l-imħabba hija l-aktar ħaġa importanti. Il-bniedem li ma jħossux maħbub huwa bniedem li jsibha diffiċli ħafna biex jagħmel sens mill-ħajja, għaliex l-imħabba hija l-qalb tal-eżistenza umana. Mhux ta’ b’xejn li fil-ktieb tal-Ġenesi li jitkellem mill-bidu tal-eżistenza umana, insibu li Alla nnifsu jgħidilna: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”. Alla, fl-għerf infinit tiegħu, jaf li l-bniedem maħluq xbieha tiegħu, għandu l-bżonn l-aktar essenzjali tiegħu li jkun maħbub. Jekk aħna ġejjin mill-Imħabba, huwa ovvju li għalina l-imhabba hija l-aktar ħaġa essenzjali.

Ir-risposta ta’ Alla għal dan il-bżonn l-aktar fundamentali tal-bniedem kienet iż-żwieġ u l-familja. ‘U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.’ B’dan il-kliem mirqum, il-kittieb sagru ispirat minn Alla jrid jgħidilna li r-raġel u l-mara mhux biss huma maħluqin għal xulxin iżda huma wkoll tal-istess dinjità. Meta wieħed jikkonsidra li dawn il-kelmiet inkitbu mhux biss f’kultura iżda wkoll f’dinja fejn l-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara ma kienetx tiżisti, ma jistax ma jħossx li hemm l-id ta’ Alla f’dan il-ktieb qaddis. ‘Għalhekk ir-ragel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.’ It-triq l-aktar komuni, għad li mhux unika, li biha l-bniedem iħossu maħbub hija dik taż-żwieġ u l-familja.

Fil-Vanġelu tal-lum, il-Fariżej jersqu lejn Ġesù u bħas-soltu biex mingħalihom ipoġġuh f’diffikultà, staqsewh dwar jekk raġel jistax jitlaq lil martu.  Ġesù li kien jaf li jekk jgħidilhom li ma jistax ser isemmulu l-fatt li Mosè kien talab li meta raġel jitlaq lil martu dan għandu jagħtiha bil-miktub li kien hu li bagħtha, staqsihom hu stess x’jgħid Mosè jew aħjar x’tgħid il-liġi tagħhom. Dan xi jfisser? Mosè ma qalx li huwa tajjeb li wieħed jitlaq lil martu, iżda qal li mhux sewwa li wieħed jitlaq lil martu bla ma jagħtiha l-kitba: li kien jiġri hu, li f’soċjetà maskilista bħal dik ta’ dak iż-żmien, jekk ir-raġel kien ikeċċi lil martu, u din wara tidħol f’relazzjoni oħra, l-ewwel raġel seta’ xorta jixliha b’adultarju quddiem il-liġi: il-piena ta’ dan kien it-tħaġġir. Mosè talab il-kitba tad-divorzju biex jevita dan l-abbuż.

Ġesù ikun ċar ħafna fit-tweġiba tiegħu: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara… Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”. F’għajnejn Alla iż-żwieġ ifisser li r-raġel jagħti lilu nnifsu lill-mara u l-mara tagħti lilha nnifisha lir-raġel, u għalhekk ma tagħmilx sens li titlob lura dak li tkun tajt. F’dan iż-żmien fejn ħafna żgħażagħ qed jibżgħu mir-rabta taż-żwieġ, importanti li ngħidu li ż-żwieġ skont il-qalb ta’ Alla huwa sejħa importanti ħafna, u għalhekk jirnexxi biss jekk ikun hemm Alla fil-qalb tal-miżżewġin. Fit-tieni qari tal-lum smajna wkoll li Ġesù salvana permezz tat-tbatija jew tas-salib: hu jurina li l-imħabba vera trid tkun lesta li tbati għal min tħobb. Min jidħol għall-ħajja miżżewġa u ma jkunx lest li jbati għal min iħobb ma jistax jistenna li ebda relazzjoni tirnexxi.

Il-Kelma t’Alla llum tista’ forsi tweġġgħa lil xi wħud, l-aktar lil dawk li r-relazzjoni tagħhom ma rnexxietx. Lil dawn ħutna qatt ma għandna niġġudikawhom, anżi għandna nitolbu għalihom u nissapportjawhom. Huwa importanti ħafna li ngħidu li qatt ma għandna ninqdew bil-Kelma ta’ Alla biex inweġġgħu lil xi ħadd, jew agħar biex niġġudikaw. Kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi lilu nnifsu l-Kelma t’Alla x’tgħid lilu u qatt ma għandu jgħid din x’tgħid lil ħaddieħor, jew kif tapplika għal ħaddieħor: dan jaraħ hu jew hi quddiem Alla. Nistaqsu lilna nfusna: f’dan iż-żmien li fiha l-liġi f’Malta tippermetti d-divorzju, x’inhi l-idea tiegħi dwar iż-żwieġ?

Mulej Ġesù minn qalbna llum nixtiequ nressqu quddiemek il-miżżewġin kollha biex tgħinhom jemmnu fil-qdusija tas-sejħa li inti għamiltilhom u biexijżommu dejjem lilek fiċ-ċentru tar-relazzjoni u l-familja tagħhom. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading