Adorazzjoni – 28 Ħadd matul is-Sena B

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

Quddiemek fl-Ewkaristija fil-kwiet,
Ninxteħet għarkupptejha fis-skiet.
Waqt li nħares lejk u nadurak,
Ngħollik fit-tifħir u nirringrazzjak.

Ġesù maħbub tiegħi, fik qalbi tithenna,
Għax Inti l-ġmiel u l-għaxqa tal-Ġenna.
Ejja u agħmel f’qalbi, l-Ġenna tiegħek,
Aħkem lil ruħi u għaqqadni miegħek.

Meta nsib ruħi mtaqqla u għajjiena,
Indur lejn Ommok b’ħarsa ta’ ħniena.
Nuri mħabbti u l-qima tiegħi lejha,
U b’fiduċja akbar inpoġġi, idi f’idejha.

O kemm tgħallimni, Ommna Marija,
Kif għandi ngħożżok fl-Ewkaristija.
Magħha nitkellem u niftaħ qalbi,
Naf żgur li dejjem Hi tisma’ talbi.

Silenzju       3 min

Kant: ________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mark                                              Mk 10:17-30

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

F’din is-silta naraw raġel li jersaq jgħaġġel lejn Ġesù, jinżel għarkubbtejh quddiemu; u jitolbu xi ħaġa qaddisa: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Naħseb din it-talba għandha tkun fil-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Lkoll għandna x-xewqa, u nfittxu li nagħrfu kif nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem.  

Dan li għamel din it-talba kien raġel bil-għaqal, li jħares bir-reqqa l-kmandamenti. Kapaċi aħna nirrispondu hekk, li sa minn meta konna żgħar il-kmandamenti obdejnihom kollha?         (3 sek pawsa)

Imma dan ir-raġel xorta kellu l-vojt f’ħajtu. U għalhekk Ġesù għamillu stedina, offrielu viżjoni ta’ tjubija: mhux sempliċiment ma tagħmilx il-ħażin, imma tagħmel it-tajjeb mal-oħrajn; u talbu biex jinfatam mill-ġid tad-dinja, biex jaqsam ġidu ma’ min għandu bżonn, u jimxi warajh. Għal din l-istedina, dak ir-raġel għani telaq b’qalbu sewda, għax kien marbut wisq mal-ġid li kellu. Tilef ċans kbir li jagħmel ħafna ġid. Għażel it-teżor tad-dinja u mhux tas-sema.                (2 sek pawsa)

Din hija tentazzjoni tagħna lkoll. Ħadd mhu meħlus minn din il-marda. Narawha bit-tqila nerħu minn idejna. Marbutin wisq ma’ din id-dinja, mal-ġid tal-art.

Mulej, eħlisna milli nintrabtu mal-ġid tal-art li jgħaddi; imma iftħilna qalbna ħa nkunu ġenerużi, u dak li tajtna, dak li provdejtilna, għinna naqsmuh ma’ dawk li tant għandhom bżonn.

Silenzju                3 min

San Mark jgħidilna, li “Ġesù xeħet ħarsa ta’ mħabba” fuq dak ir-raġel. L-istess ħarsa li Ġesù jixħet fuq kull wieħed u kull waħda minna, f’kull ħin u f’kull mument. Ġesù ma jieqaf qatt jagħtina dik il-ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba, u ta’ kompassjoni.

Ejjew nitolbuh lil Ġesù: Mulej, ħares lejna, kif ħarist lejn dak ir-raġel, b’ħarsa ta’ mħabba. Fejjaq il-qalb tagħna li m’għandhiex xaba’. Għallimna li l-ħwejjeġ tad-dinja għandhom l-importanza ċkejkna tagħhom; imma tħalli qatt u qatt li jsiru l-allat foloz tal-ħajja tagħna, u jżommuna milli nimxu b’qalb ħielsa warajk. Għallimna Mulej, ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.     

Silenzju/ soft background music                3 min     

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunità

L-Evanġelju llum jistedinna biex niftħu qlubna għall-fqir, u f’solidarjetà miegħu nagħrfu niċċaħdu mill-ħwejjeġ f’isem u minħabba Ġesù.

Ejjew nitolbu għall-Qdusija Tiegħu l-Papa, għall-isqfijiet u dawk kollha li qed jieħdu sehem fis-Sinodu, biex ikunu miftuħin, jisimgħu lil xulxin u jimxu flimkien fl-ispirtu tal-Mulej. Nitolbu.

Nitolbu għall-vittmi ta’ diversi gwerrer u ġlied li hawn madwar id-dinja; biex il-Mulej jagħti l-mistrieħ ta’ ruħhom, u jkun il-faraġ għall-familjari tagħhom, u jagħtihom il-paċi li tant jeħtieġu. Nitolbu

Nitolbu għall-familji tagħna, biex il-Madonna tkun li tagħtina dawl, għajnuna u kuraġġ. Nitolbu.

Nitolbu għall-morda kollha tagħna, biex il-Mulej jagħtihom l-għerf li jgħoddu jiem ħajjithom, jirringrazzjaw lil Alla ta’ kuljum, ikollhom il-faraġ u l-fejqan b’mod speċjali tar-ruħ u tal-ġisem. Nitolbu

Nitolbuk Mulej, għal dawk li ma għandhomx dar diċenti fejn joqgħodu, u jonqoshom dak li hu neċċessarju għall-ħajja ta’ kuljum. Nitolbu

Fis-skiet tal-qalb tagħna nagħmlu t-talba personali.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading