Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
Mulej tiegħi, u Alla tiegħi.… Int, kollox għalija. Hekk kif ninsab għarkubtejja quddiemek, jien irrid nadurak u nagħtik kull tifħir. Int il-Ħaruf Ewkaristiku, li b’imħabba tremenda, tajt ħajtek għal kull wieħed u waħda minna. U għaldaqstant, Int jistħoqqlok l-imħabba kollha tiegħi. (2 sek pawsa)
Dawwar ħsibijieti, o Sinjur, fuq l-Imħabba tiegħek; għax l-imħabba Ewkaristika fiha dak kollu li hu sewwa u veru, dak kollu li hu reali u li jagħmel sens.
Ġesù, mexxini ħalli nfassal ħajti fuq dak kollu li hu veru; f’dak kollu li hu onest, pur, ammirabbli, diċenti u virtuż. Dawwar ħsibijiet kollha fuqek, Int, li Int it-Triq, il-Verità, u l-Ħajja. (2 sek pawsa)
Libbisni lilek innifsek, u agħmel li qalbi tkun ħaġa waħda ma’ tiegħek, biex ngħix l-Evanġelju b’ħajti kollha, biex b’hekk, il-paċi tiegħek issaltan fija.
Silenzju 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mark Mk 10:35-45
F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.
Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.
Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Wieħed mill-kittieba, jagħmel domanda lil Ġesù, li kontinwament kienet tiġi diskussa fost l-għorrief tal-liġi: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel wieħed?” Dan peress li mill-ewwel ħames kotba tal-Antik Testment, l-għorrief tal-liġi kienu siltu 613-il preċett, li kellhom jiġu osservati biex il-bniedem jikseb il-ħajja ta’ dejjem. (2 sek pawsa)
U Ġesù jolqot il-musmar fuq rasu, meta jagħti sommarju tal-liġi kollha ta’ Alla; illi l-akbar kmandament huwa dak li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, b’ruħna kollha u bil-qawwa kollha. Kif ukoll, li din l-imħabba lejn Alla trid tiġi espressa: billi nħobbu lill-proxxmu kif inħobbu lilna nfusna. (3 sek pawsa)
Kemm hu sabiħ dan it-tagħlim, li huwa l-qofol tar-reliġjon u tal-fidi tagħna. Qisu donnu l-Mulej jerġa’ jfakkarna li għandna bżonn nerġgħu niskopru l-imħabba tremenda li Alla għandu kontinwament għalina.
Jien kif qed inwieġeb għal din l-imħabba qawwija li Alla għandu għalija? (3 sek pawsa)
O Sinjur, laqqamni mill-imħabba tiegħek, u għinni nagħraf li jien ma nistax noqgħod mingħajrek, u għalhekk irrid inpoġġik fiċ-ċentru ta’ ħajti. Agħtina l-grazzja li nsir ukoll sinjal ta’ mħabba għall-oħrajn.
Silenzju 3 min
Aħna lkoll irridu nippruvaw nimitaw lil dan il-kittieb. Kien ta’ riskju għalih li juri appoġġ għal Ġesù. Ħafna minn sħabu kienu pjuttost ostili lejn Ġesù. U meta huwa esprima bil-miftuħ li jaqbel ma’ dak li għallem Ġesù, kien qed ipoġġi lilu nnifsu f’riskju li jiġi kkritikat u mwarrab. Iżda dan il-kittieb ma kienx imħasseb dwar dan, għax sab il-verità, f’Ġesù Kristu. (2 sek pawsa)
Illum, qed ngħixu f’dinja iktar sekulari, fejn ħafna mill-veritajiet ta’ Alla, b’mod speċjali veritajiet morali, qed jiġu sfidati fil-miftuħ. U meta wieħed jitkellem bil-miftuħ fuq dawn il-veritajiet ta’ Alla, faċli jiġi skreditat u mgħajjar. (3 sek pawsa)
Mulej, fik u bik biss nista’ niskopri l-veritajiet li jeħilsuna. Agħtini l-grazzja u l-kuraġġ li meta niskopri u nifhem dak kollu li tgħallem Int, ma nibżax naqsmu b’ferħ u b’entużjażmu mal-oħrajn, sabiex ħaddieħor ukoll jinġibed lejn l-imħabba infinità tiegħek.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Il-qofol tal-ħajja nisranija hija l-imħabba lejn Alla u lejn l-aħwa, ejjew nitolbu lil Missier biex jimlielna qlubna bil-qawwa li nħobbu.
Nitolbu għall-insara kollha, sabiex jidher ċar l-impenn tagħhom favur l-imħabba lejn kulħadd. Nitolbu
Nitolbu għall-mexxejja tal-ġnus, biex jibnu relazzjonijiet ta’ ħbieberija vera, li twassal għall-paċi dejjiema fost il-popli. Nitolbu.
Nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna, sabiex jiskopru l-veru sens tal-imħabba bħala għotja bla interess, u li xi drabi titlob anke s-sagrifiċċju. Nitolbu
Kebbes in-nar ta’ mħabbtek fil-familji tagħna, u żomm dan in-nar dejjem jaqbad, ħalli huma jkunu l-iskola ta’ mħabba lis-soċjetà tagħna, li tant għandha bżonn. Nitolbu.
Nitolbu għalina lkoll, biex il-qima tagħna li nagħtu lil Alla, tidher fuq kollox fl-impenn tagħna, biex naħfru, nħobbu u ngħinu lil xulxin. Nitolbu
Fis-skiet inresqu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kant: Dal Misteru