Adorazzjoni: Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu (Sena B)

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

Sinjur Alla, Inti hawn u jiena fik.
Inkellmek, u inti tismagħni,
Nitolbok, u inti tagħtini.
Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok         (3 sek pawsa)

Mulej Ġesù, Sultan tal-Ħolqien kollu, iġbed in-nies kollha lejn il-Qalb Ewkaristika tiegħek, li minnha toħroġ xmara ta’ grazzji u ħniena. Iva, o Sinjur, Int lejl u nhar, qiegħed fil-bieb ta’ qalbna, tistenna l-istedina tagħna, biex tidħol u tgħammar fina.

Kull meta nistednuk, Inti dejjem tiġi. Tiġi silenzjuż u inviżibbli, imma mimli bil-qawwa u l-imħabba infinità tiegħek; u miegħek iġġib kotra ta’ doni tal-Ispirtu tiegħek. Int tiġi bil-ħniena, u bix-xewqa li taħfrilna u tfejjaqna; tiġi b’imħabba kbira, li ma naslux biex nifhmuha, mħabba li rċevejt mingħand il-Missier.      (3 sek pawsa)

Ejja nitolbuk, agħtina s-saħħa, erfagħna u orbtilna l-ġrieħi tagħna. Agħtina d-dawl tiegħek, sabiex tkeċċi d-dlamijiet u d-dubji kollha tagħna. Ejja bil-qawwa, o Kristu Sultan, sabiex iġorr it-toqol kollu li qed itaqqal il-qlubna; ejja bil-grazzja tiegħek, u saltan fina. 

Silenzju/ background music       3 min

Innu:__________________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                             Ġw 12:33b-37

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Nhar il-Ħadd, se niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu; Alfa u Omega, bidu u tmiem tal-fidi tagħna. U f’din is-silta li qrajna, naraw biċċa mill-proċess, li Ġesù għadda quddiem il-gvernatur Ruman, Ponzju Pilatu.      

Ġesù jistqarr quddiem Pilatu, li huwa Sultan, imma s-saltna tiegħu mhijiex ta’ din id-dinja. Allura liema hi s-saltna tiegħu?                (2 sek pawsa)

Is-saltna tiegħu hi dik ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem. Din hi s-saltna li l-Mulej Ġesù jixtieq li ssaltan f’kull qalb ta’ kull bniedem. Huwa jixtieq li jkun il-ħakkiem ta’ kull passjoni, ta’ kull xewqa, ta’ kull ħsieb u ta’ kull azzjoni tagħna.                                                                                                              (3 sek pawsa)

Ġesù, kun Int is-Sultan ta’ ħajti, u rrid nafdalek l-azzjonijiet u l-isforzi kollha tiegħi. Nitolbok, imlieni bl-għerf, bil-prudenza u l-kuraġġ, ħalli ngħin inwassal il-ħniena u s-saltna tiegħek lil dawk kollha li tlaqqani magħhom.     

Silenzju            3 min

Ġesù jinsisti ma’ Pilatu, li huwa Sultan, u għalhekk twieled, u għalhekk ġie fid-dinja, biex juri l-verità. “U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”     

Il-verità x’inhi għalina?   (2 sek pawsa)

Kemm nies jippretendu li jgħidu l-verità; kemm nies isibu l-verità fi kliem li jgħaddi. Aħna bħala nsara, msejħin inħarsu lejn Ġesù, li jħejji ruħu biex jingħata għalina fuq is-salib u jsalvana bil-Qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet. Hu biss il-verità. Kif jistqarr Hu stess: “Jiena hu t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja” (Ġw 14:6)

Ejjew nagħtu kull ġieħ u kull glorja lil Kristu Sultan, billi nilqgħuh ġo qalbna bħala l-verità sħiħa, li ddawwal u tmexxi l-ħajja tagħna f’din id-dinja.  

Silenzju/ soft background music                 3 min    

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunità

Kristu hu s-Sultan tal-ħolqien; hu qabel kollox, u kollox bih qiegħed iżomm. Nersqu bil-qima quddiem il-kobor tiegħu u ngħidulu:

Tiġi saltnatek, Mulej.

Kristu Salvatur, int Alla Sidna, s-Sultan u r-Ragħaj tagħna: irgħa l-poplu tiegħek, u agħtih il-ħajja. Ngħidu flimkien.

Tiġi saltnatek, Mulej.

Inti r-Ragħaj it-tajjeb li tajt ħajtek għan-nagħaġ tiegħek: mexxina int, u xejn ma jkun jonqosna. Ngħidu flimkien.

Tiġi saltnatek, Mulej.

Feddej tagħna, il-Missier għamlek sultan fuq l-art kollha: ġedded kollox bis-setgħa u l-qawwa tiegħek. Ngħidu flimkien.

Tiġi saltnatek, Mulej.

Sultan tal-ħolqien kollu, int ġejt fid-dinja ħa tixhed il-verità: wassal lil kulħadd biex jagħraf li Int l-ewwel u qabel kollox. Ngħidu flimkien.

Tiġi saltnatek, Mulej.

Prinċep tal-paċi, eqred l-armi tal-gwerra minn fuq l-art kollha: tkellem fuq is-sliem mal-ġnus u l-popli. Ngħidu flimkien.

Tiġi saltnatek, Mulej.

Fis-skiet inresqu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading