Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
Għeżież, f’dawn il-ġranet sbieħ, meta kulħadd ikun impenjat b’diversi festini tal-Milied, u b’ħafna impenji oħra, nifraħ meta xi ħadd iżurni fl-Ewkaristija. Jien għażilt minn jeddi li nitlef il-libertà tiegħi, filwaqt li tajtha lil bnedmin biex jagħżlu huma jekk jiġux ħdejja jew le. (2 sek pawsa)
Grazzi ħafna, talli llejla għażiltu li tiġu hawn ħdejja, biex tadurawni u tirringrazzjawni ta’ kull ma nagħmel magħkom. Nixtieq nistedinkom, li tħeġġu oħrajn, biex huma wkoll jiġu ħdejja, imqar għal ftit minuti biss. Hawn fl-Ewkaristija, meta nkun waħdi, niftakar fil-bard li ħassejt meta twelidt f’dak l-għar kiesaħ. (2 sek pawsa)
Għalhekk, kull meta tiġi xi ruħ twajba żżurni, bħal donni nħoss is-sħana li tant tferraħli qalbi. Jien tneżżajt mill-ġmiel u l-majestà, u għażilt li niċċekken għalik u għall-oħrajn; għażilt li niċċekken u niġi f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja ċkejkna, biex inkun qrib tiegħek, biex jekk trid, nkun nista’ niġi ġo fik ukoll, u nimliek bl-imħabba tiegħi.
Jien, inħalli lil kulħadd fil-libertà, jekk irridux jaċċettawni jew inkella iħalluni barra fil-ksieħ u fil-bard; fil-bard tal-bruda u l-indifferenza. (3 sek pawsa)
Inti x’se tagħmel? Se ddaħħalni f’ħajtek u f’qalbek? Jew se tħallini barra fil-bard?
Silenzju/ background music 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 1:39-45
F’dawk il-ġranet, Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Min jaf x’esperjenza tal-għaġeb għaddiet minnha Marija f’Nazaret, waqt it-tħabbira tal-anġlu. Għalkemm ma fehmet xejn minn dak li ħabbrilha, imma hija emmnet, u ntelqet b’fedeltà fuq il-Kelma u r-rieda ta’ Alla għaliha.
Din l-esperjenza hekk qawwija li għaddiet minnu, Marija ħasset il-bżonn li taqsmu ma’ ħaddieħor; ma’ xi ħadd li hu wkoll għamel esperjenza ta’ Alla f’ħajtu. Hi marret għand il-qariba tagħha Eliżabetta, li fl-anzjanità tagħha, u li minkejja kienet sterili, nislet lil Ġwanni, l-Prekursur tal-Mulej. (2 sek pawsa)
F’Għajn Karim, il-post tal-Viżitazzjoni, għandna laqgħa tal-għaġeb mimlija ferħ, bejn żewġ ommijiet, li setgħu jaqsmu flimkien, kemm Alla kien għamel magħhom, u kemm Alla kien ser jagħmel għall-bnedmin permezz tagħhom. (3 sek pawsa)
Għeżież, Alla wkoll jixtieq jidħol fil-ħajja tagħna, u jimliena bil-ferħ u l-grazzja tiegħu. Dan iseħħ meta nersqu b’fidi lejn is-Sagramenti; meta nistrieħu fih fil-mument tat-talb; imma wkoll, meta aħna, bħala Marija u Eliżabetta, mhux biss nisimgħu l-Kelma tiegħu, imma nagħmluha tagħna. Hawn ħajjitna timtela bil-ferħ veru, ferħ tal-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna, li jwassalna li naqsmuh mal-oħrajn. (2 sek pawsa)
Qiegħed inħallih lill-Mulej jimlieni bil-ferħ u l-grazzja tiegħu?
Silenzju 3 min
Mat-tislima ta’ Marija, u bil-preżenza ta’ Ġesù f’ġufha, Ġwanni jaqbeż fil-ġuf ta’ Eliżabetta, u jitrasmetti l-ispirtu ta’ ferħ f’ommu, li wassalha biex tistqarr b’ferħ kbir: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (2 sek pawsa)
Mhux ta’ b’xejn, li Eliżabetta setgħet tkanta fil-veru sens tal-kelma, u taqsam ma’ Marija bil-ferħ, il-fidi, mhux biss tagħha, imma b’mod partikolari l-fidi ta’ Marija. “Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (3 sek pawsa)
Ejjew, imdawwlin minn dan l-Evanġelju tant sabiħ, nitolbu l-grazzja ta’ don tal-fidi, li nemmnu li verament, Alla tant ħabbna, li ried isir bniedem bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Jalla dawn il-ġranet sbieħ ta’ tħejjija, li se jwassluna sal-festa tal-Milied, ikunu ġranet ta’ ferħ, fidi, u grazzja.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Mulej Ġesù, nirringrazzjawk li ġejt fostna u ġejt iżżurna, nitolbuk li tilqa’ t-talbiet li sejrin nagħmlulek.
Nitolbu għall-insara kollha, biex jifhmu, li l-ikbar offerta li nistgħu nagħmlu hija r-rieda ta’ Alla. Nitolbu
Nitolbu għall-mexxejja tal-pajjiżi fid-dinja, biex iwieżnu lil dawk li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli. Nitolbu.
Nitolbu għall-ommijiet kollha, biex bħal Sidtna Marija u Santa Eliżabetta, jilqgħu t-tarbija tagħhom fil-ġuf, bħala preżenza tal-qawwa ta’ Alla l-Ħallieq, u jgħożżuha bħala preżenza sabiħa. Nitolbu
Agħti Mulej fejqan lill-morda kollha tagħna, kemm dawk f’djarna, kif ukoll dawk fl-isptarijiet. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għal dawk li jinsabu weħidhom f’dawn iż-żminijiet, biex Inti tagħtihom l-wens li tant jeħtieġu. Nitolbu.
Issa fis-skiet ta’ qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kant: Dal Misteru