Adorazzjoni – Epifanija tal-Mulej (Sena Ċ)

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

“Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma,
hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.
Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj;
meta niġi u nara wiċċ Alla?”      (Salm 42:2-3)                       (5 sek pawsa)

Bħalma, l-għażżiela tixxennaq għan-nixxiegħat tal-ilma, hekk hi ruħna għatxana għall-imħabba tiegħek, o Alla. Għax kif jgħid Santu Wistin fit-talba tiegħu: ‘Mulej, fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik’.

Iva, o Sinjur, jien għatxan għall-ilma ħaj; jien għatxan għall-grazzja tal-imħabba, għall-paċi u l-ferħ veru li joħorġu b’mod ġeneruż mill-Qalb Ewkaristika Tiegħek. Għax Int, stess għidtilna o Ġesù: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Għax min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.” (Ġw 7:37-38)

Silenzju       2 min

Nhar il-Ħadd se niċċelebraw il-festa tal-Epifanija tal-Mulej. Il-kelma ‘Epifanija’ tfisser ‘manifestazzjoni’. Fl-antik, il-Knisja, f’din is-solennitá kbira, kienet tfakkar, it-tlett manifestazzjonijiet ta’ Ġesù: bħala tarbija lil Maġi; Ġesù juri d-divinitá tiegħu waqt il-Magħmudija minn idejn Ġwanni l-Battista; u t-tielet manifestazzjoni tal-glorja tiegħu, meta juri ruħu, u jagħmel l-ewwel sinjal fit-tieġ f’Kana tal-Galilija.   (2 sek pawsa)

Alla kontinwament isejħilna biex infittxuh u nqimuh. Jien qiegħed nilqa’ din is-sejħa?

Silenzju/background music      2 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                   Mt 2,1-12

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali: deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej

Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju       1min

Ħsieb:

Xewqa kbira li l-bniedem għandu hi, li jkollu ħajtu mimlija bl-imħabba u bil-ferħ. Ħafna drabi, sfortunatament, dawn ifittixhom b’mod żbaljat: jew fil-poter, jew fix-xalar, jew fil-pjaċiri, jew fil-ġid materjali.

F’din is-silta, naraw 3 għorrief li ġew mill-bogħod, ifittxu lir-Re tar-Rejiet. Probabilment dawn l-għorrief kienu midħla tal-Iskritturi Lhud; u fehmu, li kien wasal il-mument illi jitwieled il-Messija mwiegħed. Ma baqgħux passivi, imma qamu u mxew lejn il-Palestina taż-żmien. Fittxew aktar dettalji, billi għaddew minn Ġerusalemm, u ngħadd lilhom, li l-Messija mwiegħed, skont il-profeziji, kellu jitwieled f’Betlehem tal-Lhudija.                                                                                                        (2 sek pawsa)

Alla li jidħol b’qawwa f’din it-tfittxija, fil-kewkba tiddi li mexxiethom lejn Betlehem; kewkba li skont San Mattew, imliethom b’ferħ kbir; b’ferħ li wassalhom biex jaraw dik it-tarbija, l-Messija mwiegħed.           (3 sek pawsa)

Il-Mulej Ġesù, imxennaq li juri l-glorja tiegħu, l-preżenza tiegħu, u l-ġmiel tiegħu lilna; forsi mhux f’mumenti u ġrajjiet straordinarji ta’ ħajjitna; imma fl-ordinarju ta’ kuljum.

Jalla inħalluh inissel fina, bħalma nissel fl-għorrief, ix-xewqa li dejjem infittxuh, ħalli nqumu mir-raqda tagħna, min-nofs keda tagħna, biex nagħrfuh verament preżenti, u nigustaw il-glorja tiegħu.

Silenzju                 3 min

Meta l-Għorrief sabu ‘l Ġesù, sabu d-dinja. Ħassewhom at home. Huma li kienu għorrief, ma dejqux jinżlu u jinxteħtu fl-art quddiemu, biex jadurawh. Dakinhar għamlu esperjenza ta’ Alla f’ħajjithom. Huma offrewlu ħwejjeġ ta’ valur, b’sinjal ta’ qima. Imma Ġesù offrielhom Lilu nnifsu.         (2 sek pawsa)

Ejjew nagħrfu ix-xejn tagħna, u nersqu lejn Dak li Hu kollox. Ejjew b’umiltá ninxteħtu f’riġlejh u noffrulu lilna nfusna, aħna kif aħna, bid-difetti u djugħufijiet tagħna. Alla mhu se joħdilna xejn, imma jagħtina kollox. Hu li jagħtina l-veru ferħ, u l-imħabba perfetta, li timla l-qalbna.   

Ejjew nagħmlu esperjenza vera ta’ Ġesù f’ħajjitna. Għalkemm nerġgħu lura lejn l-imkejjen tas-soltu, imma jgħaddina minn triq oħra, bi stil ieħor ta’ ħajja. U b’hekk ikun l-Ispirtu s-Santu, li jagħtina Ġesù, li jibdel il-qalb tagħna u jimliena bih.                 

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Illum il-maġi aduraw lis-Salvatur tagħna. Bil-ferħ kollu ta’ qalbna nagħtuh aħna wkoll il-qima tagħna, u nitolbuh u ngħidulu: Salva l-ħajja tal-fqajrin, Mulej

Sultan tal-ġnus, int sejjaħt lejk il-maġi u bihom ftaħt it-triq lill-ġnus biex jiġu jadurawk: imliena bi spirtu ta’ adorazzjoni u servizz. Ngħidu flimkien.

Sultan tal-glorja, int tiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja: agħti sliem kotran lill-bnedmin. Ngħidu flimkien.

Sultan ta’ dejjem, is-saltna tiegħek tibqa’ minn żmien għal żmien: ibgħat bħax-xita l-kelma tiegħek fuqna. Ngħidu flimkien.

Sultan tal-ġustizzja, int trid teħles lil-imsejken li m’għandux min jgħinu: uri l-ħniena tiegħek mal-imsejkna u l-imnikkta kollha. Ngħidu flimkien.

Sultan Sid tagħna, ismek imbierek għal dejjem: temm ma’ ħutna l-mejtin l-għeġubijiet tas-salvazzjoni tiegħek. Ngħidu flimkien.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading