Adorazzjoni – 1 Ħadd tar-Randan. Sena Ċ

O Qalb Ewkaristika ta’ Ġesù, li tħeġġeġ bl-imħabba għalina l-bnedmin, nitolbok, ħeġġeġ lil qalbi bil-fjammi ta’ mħabbtek, sabiex ir-rieda tiegħi tkun imwaħda ma’ tiegħek, u li nasal li nħobb dak li tħobb Int, u li nagħmel dak li tagħmel Int.

O Maħbub tiegħi, Int għedt: “kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.        (2 sek pawsa)

Irrid o Sinjur, li ħajti tkun iċċentrata fil-profondità tal-imħabba Tiegħek, biex ninħeles mit-tentazzjonijiet tal-ġisem, u mill-affarijiet li jgħaddu ta’ din id-dinja.  (2 sek pawsa)

Orbotni fl-imħabba tiegħek, biex il-ferħ tiegħi ikun biss fik.

Iva o Ġesù, irrid inpoġġi t-teżor tiegħi fl-imħabba tiegħek, il-ġid tiegħi fil-merti tiegħek, l-għana tiegħi fil-grazzja tiegħek, il-hena tiegħi fl-għaqda tiegħi miegħek, u l-paċi tiegħi fir-rieda tal-Missier.  

Silenzju/ soft background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa                                                 Lq 4:1-13

F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.

Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-Kelma tal-Mulej    

Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju    1min

Wara l-Magħmudija tiegħu fix-xmara Ġordan, Ġesù mar fid-deżert, u għamel erbgħin jum u erbgħin lejl, fis-sawm u fit-talb, biex iħejji ruħu għall-missjoni pubblika li kien se jwettaq.

Fid-deżert, Ġesù jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ Alla, fejn kompla jiggosta dik l-imħabba tremenda ta’ Alla għalih. U fis-sawm u fit-talb, jifhem il-kobor immens tal-missjoni tiegħu, missjoni li kellha twasslu biex jingħata fuq is-salib għalina l-bnedmin; salib li kellu jwassal għall-qawmien għall-ħajja.            (3 sek pawsa)

Aħna wkoll imsejħin, li f’dan iż-żmien tar-Randan, nieqfu ftit, u naraw kif qegħdin ngħixu. Li neżaminaw kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, u mal-oħrajn. (2 sek pawsa)

Ejjew inpoġġu ħarsitna fuq Ġesù Ewkaristija, u nħalluh ikellem lil qalbna. Ejjew inħalluh jurina x’għandna bżonn li nqaċċtu minna nfusna, biex nibqgħu ħaġa waħda miegħu.

Jista’ jkun xi dnub li jien għadni mwaħħal miegħu….. jista’ jkun diskors żejjed li għadni ngħid fuq l-oħrajn….. jista’ jkun li għad għandi rabja għal xi ħadd…. tista’ tkun għira.

(5 sek pawsa)

Ħares ftit lejn Ġesù, u ħallih ikellem lil qalbek. 

Silenzju            3 min

O Ġesù, waqt li kont fid-deżert, qed tħejji lilek innifsek biex tibda twettaq ir-rieda tal-Missier, Int ġejt imġarrab mix-xitan. U jekk ġejt imġarrab Int, o Mulej, li Int l-Iben ta’ Alla, aħseb u ara, kemm ix-xitan mhux se jiddejjaq iġarrab lili. U bħalma pprova jħajrek għall-illużjonijiet, u pprova jfixklek milli tagħmel ir-rieda tal-Missier u għas-salvazzjoni tagħna; hekk ukoll jipprova jwaqqa’ lilna fid-dnub. (3 sek pawsa)

Imma Int, o Ġesù, permezz tal-Kelma ta’ Alla, permezz tat-talb u tas-sawm, ħriġt rebbieħ fuq it-tentazzjonijiet. F’dawk l-erbgħin jum ta’ deżert, Inti obdejt għall-pjan ta’ Alla l-Missier. B’hekk Int, sirt xempju għalina, u waqt li bħalek irridu nitħabbtu fid-deżert tal-ħajja ta’ kuljum, hekk aħna rridu nfittxu li nħaddnu l-pjan tal-imħabba ta’ Alla għalina.    (5 sek pawsa)

Ejjew nirbħulu lix-xitan…. mhux bil-qawwa tagħna, imma bil-qawwa ta’ Ġesù, bl-ubbidjenza tagħna lejn Alla l-Missier. Ejjew inkun f’għaqda ma’ Alla fit-talb, u li niċħdu lilna nfusna fis-sawm u fil-penitenza.

Silenzju/ soft background music                 3 min    

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Ma Ġesù li jsum fid-deżert, ejjew nintelqu bit-talb tagħna fi ħdan Alla l-Missier, u nitolbuh jeħlisna mit-tiġrib tax-xitan, billi ngħidu: Mulej, eħlisna minn kull ħażen.

Nitolbu għall-Knisja li bdiet il-mixja tar-Randan lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Għid, biex tgħix kull kelma li toħroġ minn fommok. Ngħidu flimkien.

Nitolbu għall-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, f’dan il-mument ta’ djugħfija ta’ mard, biex il-Mulej jagħtih is-saħħa u paċenzja. Ngħidu flimkien.

Nitolbuk Mulej, għall-bnedmin li qed imutu bil-ġuħ ħtija tal-ħażen u l-inġustizzja, u biex il-bnedmin iwarrbu kull tentazzjoni tax-xitan, li jrid jaħkem u jeqred. Ngħidu flimkien.

Nitolbu għall-dawk is-saċerdoti li jaqdu l-ministeru ta’ eżorċiżmu, biex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u t-talb, jeħilsu lill-bniedem minn kull qawwa tal-ħażen. Ngħidu flimkien.

Għalina lkoll, biex nibdew dan ir-Randan bħala żmien ta’ penitenza, u nagħtu widen għall-Kelma tiegħek li ssalvana. Ngħidu flimkien.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading