L-Isqof Anton Teuma fil-ftuħ taż-Żjara tal-Kurċifiss Mirakoluż Ta’ Ġieżu f’Għawdex

Omelija fil-Quddiesa tal-Ftuħ taż-Żjara tal-Kurċifiss Mirakoluż Ta’ Ġieżu f’Għawdex
Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem
Il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu 2025
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

QUDDIEM IL-KURĊIFISS MIRAKOLUŻ TA’ ĠIEŻU

Għadna kif smajna fl-Ewwel Qari lil Alla li jnebbaħ lill-Profeta Iżaija u jgħidlu: ‘Iftaħ garġik, iftaħ ħalqek sewwa, u għajjat u uri lill-poplu fejn qiegħed jiżbalja. Tiqafx, tiskotx milli turi l-ħtijiet tal-poplu’ (ara 58:1-9a).

Dan l-għajat, dan l-istorbju li Alla l-Missier iqabbad lill-Profeta Iżaija biex jakkuża bih lill-poplu Lhudi, narawh quddiemna rrappreżentat fil-figura ta’ Ġesù Kurċifiss. Hemmx garġi iktar miftuħin, hemmx għajta ikbar, hemmx xena iktar trasparenti u evidenti li tista’ turina l-laqgħa tal-imħabba infinita ta’ Alla flimkien mal-egoiżmu, mad-dnub, mal-ħtijiet, mal-miskinità tagħna! Ġesù Kurċifiss, is-salib, huwa l-laqgħa tal-imħabba ta’ Alla, il-laqgħa tal-maħfra ta’ Alla mal-ħtija tiegħi u tiegħek. U allura l-garġi miftuħin, l-għajta li ma tiqafx, li Alla jnebbaħ biha lill-Profeta Iżaija, mhix għajr Ġesù Msallab!

U jkompli l-profeta jistieden lill-poplu biex iwettaq f’ħajtu l-Opri tal-Ħniena. Mhux biżżejjed is-sawm, mhux biżżejjed li niġu hawn u nqimu lill-Kurċifiss, mhux biżżejjed li mmorru l-knisja, li nitolbu, imma hemm bżonn li aħna nittieħdu minn din l-imħabba, minn din l-infinità ta’ ġenerożità, ta’ għotja tiegħu nnifsu, għal kull wieħed u waħda minna. Iżaija jistieden lil dawk in-nies ta’ żmienu biex ikollhom ħniena minn xulxin, biex ma jaqflu lil ħadd fil-kantuniera tar-rabja ta’ qalbhom, biex iħobbu u jgħinu lil kulħadd, biex ma jħallux li xi ħaġa jew xi ħadd ifixkilhom milli jħallu l-qalb tagħhom tferra’ kontinwament imħabba u ħniena lejn il-proxxmu.

U allura din il-figura ta’ Ġesù Msallab li hawn quddiemna tasal biex turina mhux biss l-imħabba ta’ Alla u d-dnub tagħna, imma wkoll kif għandha tkun l-imħabba tagħna lejn xulxin. U hawnhekk aħna, għal darb’oħra, quddiem din il-figura, inħossuna bla ħila, inħossuna m’aħniex kapaċi, dgħajfa, inħossu li l-egoiżmu, l-emozzjonijiet u l-bżonnijiet tagħna jfixkluna milli nkunu nies verament li nħobbu, milli nkunu mistednin denji tat-tieġ tal-Għarus.

Il-Vanġelu (Mt 9:14-15) jkellimna fuq Ġesù l-Għarus, u fuqna l-ħbieb tal-Għarus, il-mistednin tiegħu. Inkunu mistednin tassew tal-Għarus, inkunu wlied denji li nistgħu nipparteċipaw u nieħdu sehem fl-ikla tal-Għarus, fl-Ewkaristija Mqaddsa, sakemm aħna nħallu lil Ġesù Msallab – din l-Imħabba li tiltaqa’ mal-ħtijiet tagħna – jittrasforma dawn il-ħtijiet, l-uġigħ u r-rabja li jkunu fil-qalb, fi mħabba u ħniena.

Ejjew nitolbu lill-Mulej, hu li għal darb’oħra qiegħed ikun Għarus fidil lejna, għarusa infidila tiegħu, biex jgħinna nħossu din l-imħabba kbira li Alla għandu għalina. Jalla din ix-xbieha ta’ Ġesù Msallab tkompli tispjega, tiftaħ, tiddeskrivi dak li jiġri f’kull quddiesa: il-mod kontinwu li bih Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna, b’tali mod li aħna u intom, aħna lkoll, b’mod speċjali aħna s-saċerdoti, nikbru dejjem iktar fl-imħabba, fil-ħniena, fil-maħfra lejn id-dgħufijiet ta’ ħutna l-bnedmin.

Ejjew nagħmlu mument ta’ skiet quddiem din ix-xbieha u nitolbu lill-Mulej b’dawn is-sentimenti li għadna kif irriflettejna fuqhom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading