L-Isqof Anton Teuma fit-Tifkira tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej

Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej
Il-Ġimgħa l-Kbira, 18 ta’ April 2025
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

MIET GĦALIJA!

Illum, b’mod partikulari llejla, għandna takkumpanjana b’qawwa kbira espressjoni li jeħtieġ li ngħożżu fil-qalb tagħna: miet għalija! Tant iħobbni li miet għalija. Ejjew inħalluha tinżel fil-fond ta’ qalbna b’qawwa kbira u tkellimna din l-espressjoni. Ma vvintajthiex jien, imma jgħidha San Pawl f’waħda mill-Ittri tiegħu (Gal 2:20): miet għalija, miet għal dnubieti, miet biex ma jpattilix tal-ħażen tiegħi. Bħal dak jew dik il-persuna li inti tweġġa’ f’ħajtek u ma tirritaljax, tieħu fuqha t-tbatija, il-konsegwenzi tal-ħtija tiegħek mingħajr ma tirrinfaċċjalek xejn lura, mhux għax tibża’ minnek, mhux għax mhix kapaċi, mhux għax timida, imma sempliċiment għax tħobbok. U lanqas biss tgħabbik bis-sofferenza li qed tbati minħabba fik, lanqas biss issemmihielek, anzi tħares lejk b’ħarsa ta’ ħniena u b’ħarsa ta’ mħabba.

Dan hu li qed niċċelebraw illum. Dan kollu jseħħ f’kuntest ta’ vjolenza liema bħalha, u għal kull tip ta’ vjolenza ta’ Ġuda, is-suldati, madwar 800 suldat li jmorru jiġbru lil Ġesù mill-Ġnien taż-Żebbuġ, Anna, Kajfa, Pilatu, l-erba’ suldati li jakkumpanjawh, Pietru… kollha kemm huma jirċievu mingħandu ħaġa waħda – imħabba.

F’din il-ġrajja li għadna kif smajna (Ġw 18:1–19:42) jiltaqgħu flimkien il-laqgħa, l-imħabba infinita per eċċellenza, u l-vjolenza liema bħalha. U r-riżultat xi jkun? Ġesù msallab! U għalhekk illum bħala Knisja niċċelebraw mewt. Xi ħaġa stramba tiċċelebra mewt, tifraħ minħabba f’mewt, tant hu hekk li l-liturġija ssejħilha ‘Tifkira tal-Mewt Glorjuża ta’ Ġesù’. Niċċelebraw il-mewt tas-Sultan tagħna. Pilatu jgħidlu: “Hawn hu l-bniedem! … Hawn hu s-Sultan tagħkom!”, waqt li jtellgħu fuq it-tron tiegħu. Dan hu l-bniedem ta’ veru, dan hu s-Sultan ta’ veru! Min hu l-bniedem ta’ veru? Min hu l-bniedem qawwi? Min hu l-bniedem f’saħħtu? Min hu l-bniedem matur? “Hawn hu l-bniedem!”, dak il-bniedem li kien kapaċi jieħu fuqu t-tbatija li tiġi mill-aggressività u mill-prepotenza tal-oħrajn, u għax iħobb, u biex iħobb, ma jirrispondix lura.

Kemm hu kbir il-Mulej Alla tagħna! Kemm hu kbir Ġesù! Kemm għandna għalfejn inkunu kuntenti u ferħanin li aħna dixxipli ta’ dan il-bniedem! M’aħniex dixxipli ta’ sħaħar, ta’ nies artifiċjali u nies li huma superumani, imma dixxipli ta’ bniedem ta’ veru, bniedem matur. Dan huwa wkoll il-bniedem-Re, il-bniedem ‘re-alizzat’, il-bniedem li jirrealizza, jagħmel sultan minnu nnifsu u mill-umanità tiegħu, jirrealizza lilu nnifsu billi jingħata għal ħaddieħor.

Issa jmiss it-Talbiet il-kbar tal-Knisja. Ejjew nitolbu lill-Mulej f’dawn it-talbiet għad-dinja kollha: hija aħbar tajba mhux għalija, għalik jew għalina biss, imma għad-dinja kollha kemm hi! Id-dinja tagħna għandha bżonn bniedem bħal dan, li ġie biex jingħata kontinwament.

Imbagħad aħna wkoll, wara t-talbiet tal-Knisja u t-talbiet tagħna, nagħmlu att ta’ adorazzjoni tas-Salib, naduraw is-Salib ta’ Ġesù, naduraw dan l-istil ta’ ħajja, naduraw dan il-mod kif ngħixu. U allura f’dan il-mod, f’din l-imħabba infinita, tagħmel sens it-tbatija tagħna, żgħira jew kbira, li mhix għajr mezz biex aħna nħobbu u ningħataw.

Is-salib tiegħek, is-salib tagħna, huwa dak il-post u l-mument fil-ħajja u fl-istorja tagħna fejn aħna m’aħniex fil-kontroll. U r-reazzjoni tagħna tista’ tkun jew disperazzjoni – iddisprati għax ġratilna xi ħaġa li ma kellhiex tiġri f’ħajjitna –, jew inkella telqa, fiduċja f’idejn il-Missier, għotja tagħna nfusna, att ta’ mħabba flimkien ta’ dan il-bniedem-Re, ta’ dan Ġesù, li ġie proprju biex isalvani, miet għalija. Għalhekk miet għalija, għax idawwalli ħajti, idawwalli l-istorja tiegħi, saħansitra ġabar u ta sens anki lill-ħtijiet tiegħi, lill-prepotenza tiegħi, lill-aggressività tiegħi, għax dawk inħarqu, infnew u ntfew fl-imħabba infinita tiegħu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading