Adorazzjoni – 2 Ħadd tal-Għid. Sena Ċ

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

Nadurak, o Ġesù, moħbi fis-Sagrament Imqaddes. Nadurak għall-opri kollha ta’ jdejk, li juru tant għerf, tjubija u ħniena. Mulej, Int, ma tieqaf qatt ixxerred kotra ta’ ħniena fuq dawk li jersqu lejk.        (5 sek pawsa)

Mulej u Ħallieq tiegħi, t-tjubija Tiegħek tħeġġiġni biex niġi hawn u noqgħod miegħek. Li nitkellem miegħek, Mulej, huwa l-gost ta’ qalbi. Fik, insib dak kollu li qalbi tixtieq. Hawnhekk, Int id-dawl li jdawwal lil moħħi, biex tagħrfek aktar u aktar fil-fond.

O Sinjur, Int, ma tieqaf qatt tixħet fuq kull wieħed u kull waħda minna, nixxigħat ta’ grazzji li jinżlu u jimlew il-qlubna.      

Silenzju biss                    2 min

O Ġesù ħanin, aħna nemmnu Fik u nafdaw Fik. Għinna għaliex aħna dgħajfa u bla ħila. Agħtina l-grazzja li nwassluk lill-bnedmin kollha biex jagħrfuk u jħobbuk. U jkollna fiduċja fil-kobor bla qies ta’ mħabbtek, sabiex inkunu nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen li hemm fina u fid-dinja kollha, għall-Glorja tiegħek u għas-salvazzjoni ta’ ruħna.                                                                                                               (10 sek pawsa)

O Salvatur, ħallina ħa nigglorifikaw t-tjubija u l-ħniena tiegħek sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna, b’kull qatra ta’ demmna u b’kull taħbita ta’ qalbna. Kemm nixtiequ, li ninbidlu f’innu ta’ adorazzjoni tiegħek. U meta nsibu rwieħna fuq is-sodda tal-mewt, jalla l-aħħar taħbita ta’ qalbna tkun innu ta’ mħabba li jigglorifika l-ħniena infinità tiegħek. 

Silenzju/background music      3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                   Ġw 20,19-31

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Kelma tal-Mulej

It-tifħir lilek Kristu

Silenzju/ soft background music         1min

F’din is-silta, naraw żewġ dehriet ta’ Ġesù. L-ewwel dehra kien nhar Ħadd il-Għid filgħaxija, meta Ġesù jonfoħ l-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli miġbura fiċ-ċenaklu; u l-Ħadd ta’ wara, meta jerġa’ jidher biex jikkonferma mhux biss il-fidi tal-appostli miġbura flimkien, imma b’mod partikolari biex jikkonferma l-fidi tal-Appostlu Tumas, li kien ħalef li ma jemminx sakemm ma jqiegħedx idu fil-pjagi ta’ Ġesù.

Il-mibki Papa Franġisku jfakkarna, li Ġesù baqa’ bis-sinjali tal-passjoni għall-eternità. Minkejja li kien qam, b’ġisem glorjuż; Ġesù ried li jibqa’ bis-sinjali tal-passjoni. Dawn is-sinjali, l-pjagi tiegħu, isiru s-sinjali eterni tal-imħabba eterna ta’ Alla lejn il-bnedmin.

Ejjew, ma neħħu qatt ħarsitna minn fuq il-pjagi ta’ Kristu Irxoxt; u nħallu l-grazzja, l-ħniena u l-imħabba ta’ Alla, li ħerġin mill-pjagi tiegħu, jimlew lill-ħajjitna. 

Silenzju biss                    2 min

Imma Int, o Ġesù, tippermetti lil Tumas idaħħal sebgħhu fil-pjagi glorjużi tiegħek.

Min jaf x’seta ħass Tumas x’ħin daħħal subgħajh f’dawk is-sinjali tal-imħabba ta’ Ġesù; f’dawk is-sinjali tal-passjoni. Esperjenza li diffiċli timmaġina, imma żgur imlietu b’ferħ kbir, b’fidi tal-għaġeb. Tant li jistqarr: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’. Huwa mess s-sinjali vera tal-Ħniena Divina.         (10 sek pawsa)

Waqt li nhar il-Ħadd, se niċċelebraw il-Ħniena Divina, ejjew inħarsu lejn il-pjagi ta’ Ġesù; ejjew naraw fihom is-sinjali eterni tal-Ħniena infinità tal-Missier lejna li dehret fil-passjoni tiegħu. Ejjew bħal Tumas, inqegħdu subgħajna f’dawn is-sinjali eterni tal-imħabba ta’ Alla, ħalli nkunu nistgħu nduqu llum u dejjem, il-Ħniena infinità tal-Mulej Ġesù għalina…… Ġesù, jiena nafda fik.

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kant: ________________

Talb tal-Komunità.

Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, b’fiduċja kbira fl-imħabba u l-ħniena tiegħu għalina:

Nitolbu għall-Knisja tiegħek, biex tkompli xxandar l-Aħbar it-Tajba tal-imħabba u l-ħniena tiegħek lill-bnedmin kollha. Nitolbu.

Imliena Mulej dejjem bl-imħabba tiegħek, u għinna biex inkunu dejjem strumenti ta’ din l-imħabba tiegħek mal-oħrajn. Nitolbu.

Mulej, għinna llum nagħrfu l-pjagi tal-umanità: u nieqfu ma’ dawk kollha li huma fil-bżonn. Nitolbu.

Nitolbu għal dawk kollha li huma vittmi tal-vjolenza, tal-mibegħda, u tal-gwerra: għinna nagħmlu dejjem ħilitna, ħalli inkunu strumenti tal-paċi tiegħek. Nitolbu.

Mulej, inressqulek ir-ruħ għażiża tal-Papa Franġisku, biex fil-ħniena kbira tiegħek tilqgħu fi ħdanek, u tagħtih il-glorja tas-sema pajjiżna. Nitolbu.

Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading