Minn Fr Michael A. Galea
(Nota: fid-Djoċesi t’Għawdex barra milli nagħmlu omelija, is-segreterija pastorali tal-kurja qed titlob minna s-saċerdoti li nispjegaw l-quddiesa biċċa biċċa. Nibdew f’dan it-tieni Ħadd tal-Għid u nkompluh Ħadd wara Ħadd sas-sollennita’ ta’ Lapsi jew it-tlugħ fis-sema ta’ Ġesu’ Imqajjem mill-mewt)
Tibda l-quddiesa. Wara r-reċita tal-Glorja dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-quddiesa huma mitluba jpoġġu ftit bil-qiegħda. Iċ-ċelebrant jistaqsi lill-insara miġbura għall-quddiesa…
X’għamilna s’issa? Jien ħriġt għall-quddiesa u bist l-altar li jirrappreżenta lil Ġesu’ imqajjem mill-mewt jew kif insibu fl-Iskrittura: lil Ġesu’ li huwa l-ġebla tax-xewka. Mort fuq is-sedja, raddejna s-salib u sellimtilkom: dan kollu biex niftakru li dak li se nagħmlu se jkun f’isem it-Trinita’ Qaddisa, jiġifieri fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad għaddejna għall-att penitenzjali li matulu tlabna maħfra lil Alla tan-nuqqasijiet tagħna: dawk li għamilna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ma għamilniex id-dmirijiet tagħna: kemm dmirijiet umani ta’ bnedmin li aħna imma iktar u iktar dawk spiritwali bħala nsara. Kien importanti li wara l-kelmiet: “Ħuti, ejjew nagħrfu ħtijietna” nagħmlu ftit tas-skiet għax mingħajr dal-mument ta’ silenzju ma nistgħux naraw fejn inkunu żbaljajna. Imbagħad irreċitajna l-glorja: ir-reċita tal-glorja hija innu ta’ ferħ li matulu nfaħħru lil Alla li għadu kemm ħafrilna dnubietna; ħafrilna dawk venjali għax id-dnubiet mejta jinħafru biss meta nagħmlu att ta’ umilta’ u nersqu nistqarruhom għand saċerdot. Bil-kelmiet: “U jiena naħfirlek dnubietek kollha: fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” is-saċerdot għandu s-setgħa li jaħfer id-dnubiet mejta kollha. Imbagħad niġu għall-kolletta. Il-kolletta hija talba qasira jgħidha s-saċerdot b’idejh miftuħin. Tibda bil-kelma “nitolbu”. Hija talba lill-Missier. Wara l-kelma “nitolbu”, is-saċerdot jieqaf għal ftit mumenti biex l-insara miġbura jagħmlu l-intenzjonijiet tagħhom. Tispiċċa dejjem bil-kelmiet: “B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.” L-insara jwieġbu bil-kelma “Ammen”, jiġifieri dak li se nagħmlu matul il-quddiesa nemmnuh mill-bidu sal-aħħar.
OMELIJA GĦAT-TIENI ĦADD TAL-GĦID
“TUMAS EMMINT GĦAX RAJTNI!
HENJIN DAWK LI MA RAWX U EMMNU”
Jum fost l-oħrajn, wieħed xjenzat ateju, konvint li Alla ma jeżistix, wasal f’San Giovanni Rotondo jfittex lil Patri Piju tal-pjagi, illum qaddis, u kellu x-xorti jitkellem miegħu ras imb’ras…Xi ħaġa li ntqalet bejniethom, jirrakkuntaha x-xjenzat innifsu. Beda x-xjenzat: “Patri, lanqas naf x’ġejt nagħmel fejnek, għax jiena ma nemminx f’Alla!” Patri Piju, li kellu kelma sabiħa u f’waqtha għal kulħadd, taptaplu kemm xejn fuq spallejh u qallu: “Ħabib, int qed tgħid li ma temminx f’Alla, imma ftakar, żomm f’qalbek u f’moħħok li Alla jemmen fik!” Kurjuża ħafna dir-risposta ta’ Patri Piju għax is-soltu huwa l-bniedem li jemmen f’Alla u mhux Alla li jemmen fil-bniedem. Pero’ ħa niġu għall-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom…
Meta naqraw dan il-vanġelu, aħna s-saċedoti nħobbu naqbdu mal-Appostlu Tumas: Tumas li jiddubita, Tumas li ma jemminx, Tumas li biex jammetti li Ġesu’ qam mill-mewt irid jara b’għajnejh u jmiss b’idejh, jagħmel il-kalkoli tiegħu. Id-dixxipli qalulu: “Rajna l-Mulej!” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u npoġġi idi fuq ġenbu jiena ma nemminx!”
Kont qed ngħidilkom: aħna s-saċerdoti nħobbu naqbdu ma’ dan Tumas u nperċulu d-difetti tiegħu, imma għal darba, ejjew inħallu lill-appostlu Tumas li ma jemminx li Ġesu’ qam mill-mewt u nitkellmu fuq Ġesu’ li jemmen f’Tumas, Ġesu’ li jemmen fl-appostli l-oħra, Ġesu’ li jemmen fija, Ġesu’ li jemmen fik, Ġesu’ li jemmen f’kull wieħed u f’kull waħda minna…Sabiħa ħafna r-risposta ta’ San Piju ta’ Pietralcina lil dak ix-xjenzat: “Inti qed tgħid li ma temminx f’Alla, imma ftakar, żomm f’qalbek u f’moħħok li Alla jemmen fik!” Nerġgħu niġu għall-vanġelu…
Min kienu l-appostli? L-appostli kienu nies mingħajr skola, uħud minnhom esperti fis-sengħa tas-sajd, imma fi ħwejjeġ oħra kienu x’aktarx irġiel injoranti. Kienu nies ambizzjużi għax ġieli tkellmu bejniethom fuq min kien l-akbar fosthom. Kienu nies ta’ manjieri goffi…Naħseb tiftakruhom jgħajtu mat-tfal u jkeċċuhom minn ħdejn Ġesu’ li xtaq iberikhom, L-appostli kienu nies beżżiegħa. Fis-siegħa tal-passjoni, barra Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, kollha ħarbu. Ġuda ttradieh, Pietru ċaħdu għal tliet darbiet u ħalef li ma jafux. Insomma grupp ta’ nies mimlijin difetti, b’karattri diffiċli u ma tantx kienu rġiel maturi. Safrattant, Ġesu’ Mqajjem mill-mewt jemmen fihom, jafda f’idejhom il-bidu tal-Knisja li llum tgħodd il-biljuni ta’ nsara. Fil-vanġelu li għadni kemm qrajt Ġesu’ jagħmilhom missjunarji: jibagħthom ixandruh mal-erbat irjieħ tad-dinja. “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom.” Fi kliem ieħor: “Jien l-ewwel missjunarju għax kont mibgħut mill-Missier, intom missjunarji bħali…” Iżjed…F’dal-vanġelu Ġesu’ jonfoħ in-nifs tiegħu fuqhom u jagħtihom is-setgħa li jaħfru d-dnubiet: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet li taħfru jkunu maħfura u d-dnubiet li żżommu jkunu miżmuma.” Araw x’fiduċja kellu Ġesu’ f’dawn l-irġiel li kif rajna kellhom ħafna difetti.
Nispiċċa: l-omelija tal-lum semmejtha: “Tumas emmint għax rajtni; henjin dawk li ma rawx u emmnu.” Sakemm inkunu f’din id-dinja aħna ma nistgħux naraw lil Ġesu’ għax fiżikament telaq minn magħna ftit iktar minn elfejn sena ilu, imma aħna henjin għax narawh bl-għajnejn tal-fidi. Ejjew narawh meta nħarsu lejh moħbi f’biċċa ħobż ikkonsagrata u fl-inbid ikkonsagrat. Is-saċerdot jaqbad f’idejh biċċa ħobż jaqbad f’idejh ftit inbid…jgħid il-kelmiet tal-konsagrazzjoni fuqhom u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu dak il-ħobż u dak l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u fid-Demm tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Sidna. Narawh ukoll fil-fqar. Il-qaddisa Madre Tereża tirrakkonta dan il-fatt. Mela waħda tfajla, għadha kemm spiċċat kors l-unversita’, ħassitha msejħa biex tħalli l-karriera li kellha tistennieha u ssir soru missjunarja tal-karita’. Fl-ewwel ġurnata li ltaqgħet ma’ Madre Tereża, din is-soru qaddisa qaltilha: “Naħseb rajt b’liema għożża s-saċerdot kien imiss b’idejh lil Ġesu’ Sagramentat. Issa llum se nibgħatek f’dar fejn se tiltaqa’ ma’ morda qegħdin imutu. Qis li taqdihom b’dik l-istess għożża li s-saċerdot mess lil Ġesu’ Ewkaristija. Għal xi nofs inhar, din it-tfajla ġiet lura bi tbissima fuq wiċċha. Madre Tereża staqsietha: “X’għamilt?” It-tfajla weġbitha: “Għamilt tliet siegħat innaddaf il-ġisem mimli ġrieħi ta’ raġel qed imut. Miet f’idejja nadif u kuntent!”
interessanti hafna …jekk ikun audio ikun forsi ahjar ghal ghajnejn morda