Adorazzjoni – 3 Ħadd tal-Għid. Sena Ċ

Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni

Nadurak, o Ġesù tiegħi, hawn fis-Sagrament Imqaddes. U kemm nixtieq li tkun maħbub u adorat minn kulħadd, għax il-Qalb Ewkaristika tiegħek hija l-aktar apprezzament ta’ mħabba mogħtija lilna l-bnedmin. L-imħabba tiegħek, o Ġesù, hija waħda totali, l-aktar tenera fost il-qlub kollha, u din tidher riflessa fit-tenerezza tal-Missier, iħaddan lil Iben il-Ħali b’elf bewsa.  

(5 sek pawsa)

Illum, o Sinjur, Int ġbidtni lejk f’dan is-Sagrament Imqaddes; u torbotni b’rabtiet spiritwali qawwija ta’ affezzjoni personali li ma tistax tiddeskrevihom. Bħar-raġġi tax-xemx, Int tixħet fuqna l-grazzji tiegħek; waqt li tferra fuqna dak l-għana spiritwali mirbuħa għalina minn fuq is-Salib.

Tliet darbiet staqsejt lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” U llum, din il-mistoqsija qiegħed tagħmilha lil kull wieħed u waħda minna: Tħobbni Int?

(10 sek pawsa)

Iva, o Ġesù, jien inħobbok b’qalbi kollha, għaliex Int kollok kemm Int tjubija; u jistħoqqlok kull imħabba.

Int miet għal dnubietna: l-bniedem ġust li ta ħajtu minħabba l-inġusti, biex tressaqna għand Alla l-Missier. (3 sek pawsa)

Mill-Qalb Ewkaristika tiegħek, is-sors ta’ kull mħabba, ġġedded l-Ispirtu tiegħek ġewwa fija, biex inħobb lill-oħrajn b’qalb ġdida, msaħħa mill-imħabba tiegħek stess.  

Silenzju/background music      3 min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                   Ġw 21,1-19

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”. Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”. Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba: “Tħobbni?”, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”. Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.

Il-Kelma tal-Mulej

It-tifħir lilek Kristu

Silenzju/ soft background music         1min

Meta miet Ġesù, uħud mill-appostli u d-dixxipli ħassewhom li ġew diżappuntati. Pietru u 6 oħra minn sħabu, reġgħu lura għall-ħajja li kienu fiha qabel ma’ ltaqgħu ma’ Ġesù. Minn sajjieda tal-bnedmin reġgħu marru lura għas-sajd tal-ħut. Addio d-deċiżjonijiet li ħadu, d-dikjarazzjonijiet li għamlu, l-ġuramenti, l-wegħdiet u l-ħeġġa li wrew.

Kemm hu minnu l-kliem ta’ San Filippu Neri meta lill-Mulej kien jgħidlu: “jekk tneħħi idejk minn fuq rasi, Filippu jitradik”. Qatt ġarrabt din l-esperjenza?            (10 sek pawsa)

Mas-sebħ, Ġesù Rxoxt mar f’nofshom; u mill-bogħod għarfu l-preżenza tiegħu. Ġwanni stqarr: “l-Mulej dan”. Pietru b’ħeġġa kbira intefa’ l-baħar biex jersaq lejn il-Mulej Ġesù. Flok ma tahom ħasla papali, tahom il-barka tiegħu. Pietru reġa’ esperjenza l-istess miraklu ta’ meta Ġesù kien sejjaħlu, dik tal-qabda ħut. (5 sek pawsa)

Kemm hu sabiħ li niftakru, li kif il-Mulej Irxoxt kiel mad-dixxipli tiegħu; hekk ukoll illum, Hu li hu ħaj, u qiegħed fostna, jixtieq jidħol f’intimità ta’ ħbieberija magħna, b’mod partikolari matul l-ikla Ewkaristika.  

Silenzju biss                    3 min

Illum, il-Mulej Ġesù, li huwa ħaj fostna, u li qed jakkumpanjana f’kull pass tal-ħajja tagħna, qed itennielna l-istess mistoqsija li tenna lil Pietru: “Int, tħobbni aktar mill-oħrajn?”….. Int tħobbni aktar minn kull ħaġa oħra fil-ħajja tiegħek?         (10 sek pawsa)

Aħna nafu kemm huwa faċli li nintrabtu ma’ persuni, u xi kultant nagħmluhom allat tagħna; kemm xi kultant naqgħu fit-tiġrib illi nintrabtu mal-ħwejjeġ li jgħaddu, u l-istess nagħmluhom kważi kważi ċ-ċentru ta’ ħajjitna, allat tagħna.      

Il-Mulej Irxoxt qed ifakkarna li hu biss is-Sid tal-istorja tal-bniedem; Hu biss il-Mulej ta’ ħajjitna. U għalhekk qed itennilna, anke llum, ‘tħobbni Int aktar mill-oħrajn?’

Jalla tweġiba tagħna tkun bħal dik ta’ Pietru: “Mulej, inti taf li jiena nħobbok”.

U l-Mulej qiegħed jgħidilna: “Ejja, u imxi warajja!”

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kant: ________________

Talb tal-Komunità.

Miġburin flimkien għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-misteri qaddisa: nitolbu lil Alla llum, iwettaqna bil-grazzja tiegħu, biex kull okkażjoni ta’ ħajjitna, nagħtu xhieda ħajja tal-fidi tagħna.

Kun mal-Knisja tiegħek, Mulej, biex kull ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, tkun xhieda ħajja mal-poplu tal-fidi tiegħek. Nitolbu.

Nitolbu biex il-Papa Franġisku, jingħaqad mal-qaddisin fis-sliem tal-hena.

Nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jdawwal u jsaħħaħ lill-Kardinali eletturi huma u jagħżlu l-Papa l-ġdid. Nitolbu.

Nitolbu għal mexxejja tad-dinja, biex jirrispettaw l-kuxjenza u libertà reliġjuża taċ-ċittadini kollha. Nitolbu.

Nitolbu għal aktar vokazzjonijiet, għall-impenn tal-Evanġelju fid-dinja tal-lum. Nitolbu.

Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading