Il-Papa Ljun XIV fl- Ewwel Regina Caeli tiegħu bħala Papa.

IL-PAPA LJUN XIV
REGINA COELI
Loġġa Ċentali tal-Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd 11 ta’ Mejju, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Inqisu bħala don t’Alla l-fatt li l-ewwel Ħadd tiegħi fis-servizz bħala Isqof ta’ Ruma, jaħbat il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, ir-raba’ Ħadd tal-Għid.  Fil-Quddiesa ta’ dal-Ħadd dejjem jitħabbar l-Evanġelju meħud mill-għaxar kapitlu ta’ San Ġwann li fih Ġesù juri ruħu bħala r-Ragħaj veru li jagħraf u jħobb in-nagħaġ tiegħu u għalihom jagħti ħajtu.

Minn tnejn u sittin sena ‘l hawn, f’dal-Ħadd ikun iċċelebrat il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet.  Minbarra dan, Ruma llum qed tospita l-Ġublew tal-baned Mużikali u tal-Ispettakli popolari.  Insellem b’għożża lil dawn il-pellegrini kollha u rroddilhon ħajr għax bil-mużika tagħhom u bir-rappreżentazzjonijiet qed iseddqu l-festa, il-festa ta’ Kristu r-ragħaj it-Tajjeb: iva huwa Hu jmexxi lill-Knisja permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Fl-Evanġelju, Ġesù jafferma li jagħraf in-nagħaġ tiegħu u li huma jisimgħu leħnu u jimxu warajh (cfr Ġw 10,27).  Fil-fatt, kif jgħallem San Ġirgor il-Kbir, il-bnedmin jirreċiprokaw l-imħabba ta’ min iħobbhom” (Omelija 14, 3-6).

Għalhekk illum, ħuti, jien ferħan li qed nitlob magħkom u mal-Poplu t’Alla kollu għall-vokazzjonijiet, speċjalment dawk saċerdotali u għall-ħajja reliġjuża.  Il-Knisja għandha bżonn kbir tagħhom!  U importanti ħafna li ż-żgħażagħ ġuvintur u xebbiet, fil-komunitajiet tagħna jsibu akkoljenza, lil min jismagħhom u inkoraġġiment fil-mixja vokazzjonali tagħhom, u jkunu jistgħu jaraw fihom mudelli kredibbli ta’ dedikazzjoni ġeneruża għal Alla u għall-aħwa.

Nagħmlu tagħna l-istedina li l-Papa Franġisku ħallielna fil-Messaġġ għall-Ġurnata tal-lum: l-istedina biex nilqgħu u nakkumpanjaw liż-żgħażagħ.  U nitlobu lill-Missier tas-Sema sabiex, kulħadd skont l-istat tiegħu/tagħha, inkunu għal xulxin ragħajja “skont qalbu” (cfr Ġer 3,15), bil-ħila li ngħinu lil  xulxin biex nimxu fl-imħabba u fil-verità.  U liż-żgħażagħ ngħidilhom: “Tibżgħux!  Ilqgħu l-istedina tal-Knisja u tal-Mulej Ġesù!”

Il-Verġni Marija, li ħajjitha kienet tweġiba sħiħa għas-sejħa tal-Mulej, takkumpanjana dejjem fis-sekwela ta’ Ġesù.

Wara r-Regina Caeli

Ħuti,

It-traġedja bla qies tat-Tieni Gwerra Dinjija, kienet intemmet tmenin sena ilu fit-8 ta’ Mejju, wara li ħalliet 60 miljun vittma.  Fix-xenarju drammatiku tat-tielet gwerra dinija miġġielda bil-biċċa, kif afferma bosta drabi l-maħbub Papa Franġisku, jien ukoll indur lejn il-kbarat tad-dinja u ntenni l-appell dejjem attwali: “Qatt aktar gwerra!”

Inġorr f’qalbi t-tbatijiet tal-mabub poplu ukren.  Jalla jsir dak kolllu possibbli biex mill-aktar fis ikun hemm paċi awtentika, ġusta u dejjiema.  Jalla jinħelsu l-priġunieri kollha u t-tfal ikunu jistgħu jerġgħu lura fi ħdan il-familji tagħhom.

Inikkitni bi kbir dak li qed iseħħ fl-Istrixxa ta’ Gaża.  Waqqfu l-ġlied minnufih!  Il-popolazzjoni ċivili mifnija għandha tingħata l-għajnuna umanitarja u għandhom jinħelsu l-ostaġġi kollha.

Min-naħa l-oħra, ilqajt b’ferħ l-aħbar tal-waqfien mill-ġlied bejn l-Indja u l-Pakistan, u nawgura li bis-saħħa tan-negozjati li se jibdew, jintlaħaq ftehim li jibqa’.

Imma, kemm hawn aktar kunflitti fid-dinja!  Inqiegħed f’idejn ir-Reġina tal-Paċi dan l-appell minn qiegħ qalbi sabiex tkun hi li tippreżentah lill-Mulej Ġesù biex tiksbilna l-miraklu tal-paċi.

U issa nsellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn bosta pajjiżi.  Insellem lill-membri tal-British and Foreign Bible Society, lill-grupp tat-tobba minn Granada (Spanja), lill-fidili minn Malta, mill-Panama, minn Dallas (Texas), minn Valladolid, minn Torrelodones (Madrid), minn Montesilvano u Cinisi (Palermo).

Insellem lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-manifestazzjoni “Nagħżlu l-Ħajja” u liż-żgħażagħ tal-Fraternità Santa Marija Immakulata u San Franġisk t’Assisi minn Reggio Emilia.

Illum, fl-Italja u f’pajjiżi oħra hu Jum l-Omm.  Insellem b’għożża lill-ommijiet kollha, nitlob għalihom u għal dawk li diġà jinsabu fis-Sema!

Il-Festa t-tajba lill-ommijiet kollha!

Grazzi lilkom ilkoll!  Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading