Sinjur Alla, inti hawn u jiena fik.
Inkellmek, u inti tismagħni,
Nitolbok, u inti tagħtini
Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. (3 sek pawsa)
Qegħdin hawn madwarek, O Sinjur, biex infaħruk ta’ dak kollu li Inti tagħmel magħna; tal-grazzji li Inti xxerred fuqna. Qegħdin miġburin hawn miegħek, biex nadurawk u nagħtuk il-qima tagħna, biex naqsmu miegħek dak kollu li hemm fil-qalb tagħna. Qabel ma tlajt għand il-Missier, Inti wegħdtna li se tibqa’ magħna dejjem. Wegħda li Inti żammejt. (3 sek pawsa)
Iva O Sinjur, Int qiegħed hawn preżenti fostna, f’dik id-daqsxejn ta’ Ostja Bajda. Inti qiegħed hawn ħaj, preżenti, u bħalissa persważ li qed tgħidli dan il-kliem: “Jien qiegħed hawn għalik!” (3 sek pawsa)
Aħfrili O Sinjur, għax xi kultant l-ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef. Faċli li f’dan il-mument ta’ ħin miegħek, moħħi jintilef f’elf ħsieb ieħor; l-għejja tibda tagħmel tagħha. Mulej, ħares lejn il-qalb, lejn dik il-qalb li tixtieq tħobbok iktar, li tixtieq tkun magħquda miegħek. (3 sek pawsa)
Ejjew, inpoġġu ħarsitna fuq Ġesù ħaj, fl-Ewkaristija.
Ejjew f’dan il-mument, infaħruh u nadurawh. Imma fl-istess ħin, inħalluh imiss il-qalb tagħna; nħalluh jibdel lil qalbna, u jagħmilha tixbaħ lil tiegħu. (3 sek pawsa)
Imliena bil-grazzja tiegħek o Ġesù, u għinna nerfgħu ħsiebna lejn is-sema.
Silenzju/background music 3 min
Kant: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 24:46-53
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.
Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.
Il-Kelma tal-Mulej It-tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
San Luqa jagħtina żewġ rakkonti tat-Tlugħ ta’ Ġesù fis-sema: dak li għadna kemm qrajna, li huwa l-għeluq tal-Evanġelju tiegħu, kif ukoll fil-bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.
San Luqa jfakkarna li Ġesù dam 40 jum jidher lill-Appostli wara l-Qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet, iħejjilhom qalbhom u moħħhom biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu, biex bis-saħħa tiegħu mbagħad imorru fid-dinja kollha jxandru l-Bxara t-Tajba. (3 sek pawsa)
Ġesù wegħdna li se jibqa’ magħna; wegħdna l-Ispirtu s-Santu, li kellu jkun dik il-qawwa tremenda, li mhux biss twelled il-Knisja, imma tagħtina s-saħħa, l-enerġija, l-entużjażmu biex inxandru l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, bħala l-isbaħ ġrajja, bħala l-Bxara t-Tajba; u dik il-ġrajja li sejjaħ lill-bnedmin għall-indiema u għall-grazzja li permezz tal-Magħmudija jirċievu ħajja ġdida.
Silenzju biss 3 min
Mulej Ġesù, illum Int qiegħed issejjaħ lil kull wieħed u waħda minna, biex inkunu xhieda tiegħek fid-dinja tal-lum. Int tridna naqsmu l-fidi tagħna mal-oħrajn: li nagħtu xhieda tal-verità bl-għemil tagħna; tridna nħobbu lill-għedewwa tagħna, li nuru ħniena u tjubija; u li nkunu sinjal ħaj tal-Evanġelju, tal-Kelma tiegħek. (3 sek pawsa)
Xi kultant nista’ ngħid: ‘jien miniex kapaċi!’ ‘Jien ma tantx naf skola!’ Ma ninqalax! Ġesù qiegħed jgħidilna, ‘la tibżgħux, għax jien tajtkom l-Ispirtu qaddis, biex jimliekhom bil-qawwa, bil-kuraġġ ħalli tkunu xhieda tiegħi fil-ħajja ta’ kuljum’. Ejjew nagħmlu l-affarijiet iż-żgħar u ta’ kuljum bl-imħabba, u naraw id-differenza. (5 sek pawsa)
Mulej, Int tajt lid-dixxipli tiegħek id-dmir li jkomplu l-missjoni tiegħek fuq l-art. Imliena bl-Ispirtu qaddis tiegħek ħalli llum nilqgħu s-sejħa li qiegħed tagħmlilna biex nimpenja ruħna ħa nkomplu l-missjoni tiegħek fuq l-art. Nitolbuk, użana kif trid Int u mliena bil-qawwa mill-għoli sabiex inkunu nistgħu ngħinu fit-tixrid tal-Kelma tiegħek, kemm bil-kliem, imma iktar u iktar bl-għemil.
Silenzju/ soft background music 3 min
Interessanti hafna ghax Jien immur f kapella zghira ta sagrament u nuza dejjem ta dik IL gimgha .Pero issa dan l ahjar bghaqet l istess wahda.Grazzi