LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
Udjenza Ġenerali
L-Erbgħa 18 ta’ Ġunju 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-mirakli ta’ fejqan. 10. Il-fejqan tal-magħtub. “Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “‘Trid tfiq?’” (Ġw 5:6)
Għeżież Ħuti,
Inkomplu nikkontemplaw lil Ġesù li jfejjaq. B’mod partikulari llum nixtieq nistedinkom taħsbu fis-sitwazzjonijiet li fihom inħossuna “mwaħħlin” u magħluqin fi sqaq. Xi drabi fil-fatt naħsbu li ma jiswa xejn nibqgħu nittamaw; nirrassenjaw ruħna u ma jibqgħalniex ħeġġa nitqabdu. Din is-sitwazzjoni fil-Vanġelu hi mfissra bix-xbieha tal-paraliżi. Għal din ir-raġuni nixtieq illum nieqaf fuq il-fejqan ta’ magħtub, irrakkontat fil-ħames kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann (5:1-9).
Ġesù jmur Ġerusalemm għal festa tal-Lhud. Ma jitlax dritt it-Tempju; imma jieqaf ħdejn bieb, fejn aktarx kienu jiġu maħsula n-nagħaġ li mbagħad kienu jiġu offruti fis-sagrifiċċji. Qrib dan il-bieb, kienu jieqfu wkoll ħafna morda, li, b’differenza min-nagħaġ, kienu esklużi mit-Tempju għax meqjusin imniġġsa! U hawn huwa Ġesù nnifsu li jmur għandhom fit-tbatija tagħhom. Dawn il-persuni kienu qed jittamaw f’miraklu li seta’ jibdel ix-xorti tagħhom; fil-fatt, ħdejn il-bieb kien hemm menqgħa, li l-ilmijiet tagħha kienu meqjusa tawmaturġiċi, jiġifieri kapaċi jfejqu: f’xi mumenti l-ilma kien jitqanqal u, skont kif kienu jemmnu dik il-ħabta, min kien jinxteħet l-ewwel fih kien ifiq.
Hekk inħolqot għamla ta’ “gwerra bejn il-foqra”: nistgħu nimmaġinaw x’xena ta’ niket tara dawn il-morda li b’ħafna tbatija kienu jitkaxkru biex jidħlu huma l-ewwel fil-menqgħa. Dik il-menqgħa kienet imsejħa Betzata, li tfisser “dar il-ħniena”: tista’ tkun xbieha tal-Knisja, fejn il-morda u l-foqra jinġabru u fejn il-Mulej jiġi jfejjaq u jagħti t-tama.
Ġesù jersaq speċifikament quddiem raġel li kien ilu pparalizzat għal 38 sena. Issa kien irrassenja ruħu, għax qatt ma rnexxielu jaqbeż fil-menqgħa, meta l-ilma kien jitqanqal (ara v. 7). Fil-fatt, dak li jipparalizzana, ħafna drabi, huwa proprju d-delużjoni. Inħossuna qalbna maqtugħa u nirriskjaw li naqgħu fit-telqa.
Ġesù jdur fuq dan il-magħtub u jagħmillu mistoqsija li tidher superfluwa: “Trid tfiq? (v. 6). Imma hi mistoqsija meħtieġa, għax, meta għal tant snin inħossuna bblukkati, tista’ tonqosna wkoll ir-rieda li nfiqu. Xi drabi nippreferu nibqgħu fil-kundizzjoni ta’ morda, u nġagħlu lill-oħrajn joqogħdu jduru bina. Xi drabi hu wkoll pretest biex ma niddeċidux x’għandna nagħmlu b’ħajjitna. Imma Ġesù jfakkar lil dan ir-raġel fix-xewqa l-aktar vera u profonda tiegħu.
Fil-fatt dan ir-raġel iwieġeb b’mod iżjed artikulat għall-mistoqsija ta’ Ġesù, u juri x’viżjoni għandu tal-ħajja. Qabelxejn jgħidlu li ma għandu lil ħadd biex jixħtu fil-menqgħa: il-ħtija allura mhix tiegħu, imma tal-oħrajn li ma jiħdux ħsiebu. Dan l-atteġġjament isir il-pretest biex jevita li jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu. Imma huwa minnu li ma kellu lil ħadd biex jgħinu? It-tweġiba ta’ Santu Wistin tagħtina dawl: “Iva, biex ifiq assolutament kellu bżonn ta’ bniedem, imma ta’ bniedem li kien ukoll Alla. […] Mela issa ġie l-bniedem li kellu bżonn; allura għaliex itawwal iżjed il-fejqan?”.[1]
Il-magħtub imbagħad żied li kull darba li pprova jintefa’ fil-menqgħa, dejjem kien isib lil xi ħadd ieħor li jasal qablu. Dan ir-raġel qed jesprimi viżjoni fatalistika tal-ħajja. Aħna naħsbu li l-affarijiet jiġrulna għax m’aħniex xortina tajba, għax id-destin hu kontrina. Dan ir-raġel qata’ qalbu. Iħossu mirbuħ fit-taqbida tal-ħajja.
Imma Ġesù jgħinu jiskopri li l-ħajja tiegħu hija wkoll f’idejh. Jistiednu jieqaf fuq riġlejh, jerġa’ jqum mis-sitwazzjoni kronika tiegħu, u jaqbad friexu (ara v. 8). Dak id-daqsxejn ta’ mitraħ ma kellux iħallih hemm jew jarmih: jirrappreżenta l-passat tiegħu tal-mard, huwa l-istorja tiegħu. Sa dak il-mument il-passat ibblukkah; ġagħalu jibqa’ mixħut fl-art qisu mejjet. Issa huwa hu li jista’ jaqbad dak il-friex u jġorru fejn jixtieq: jista’ jiddeċiedi x’jagħmel bl-istorja tiegħu! Jimxi, jieħu r-responsabbiltà f’idejh liema triq irid jimxi. U dan grazzi għal Ġesù!
Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej id-don li nifhmu fejn il-ħajja tagħna hi mwaħħla. Nippruvaw nagħtu leħen lix-xewqa tagħna li nfiqu. U nitolbu għal dawk kollha li jħossuhom ipparalizzati, li ma humiex jaraw xaqq dawl. Nitolbu li nerġgħu lura ngħixu fil-Qalb ta’ Kristu li hija l-vera dar tal-ħniena!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Omelija 17, 7.