Qari tal-Festa ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, il-Qassis il-Kbir u Etern

Il-Ħamis wara Għid il-Ħamsin

QARI I
Is-sagrifiċċju ta’ Abraham, missierna fil-fidi.
Ġenesi 22: 9-18

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Meta waslu fil-post li kien semmielu Alla;
u hemm Abraham bena l-altar u firex il-ħatab fuqu,
u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-altar, fuq il-ħatab.
U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.
U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: ̋ “Abraham, Abraham!”
U dan wieġbu: “Hawn jien.”
U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara;
għax issa naf li inti tibża’ minn Alla,
u ma caħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”
U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru,
u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi.
U Abraham mar u qabad il-muntun,
u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu.

U Abraham semma dak il-post: “Jahweh-jire”, jiġifieri, “il-Mulej jipprovdi,”
kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jahweh-jire, il-Mulej jipprovdi.”
U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu:
“Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din,
u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,
jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema
u bħar-ramel f’xatt il-baħar;
u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu.
U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art
talli smajt minn kelmti.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

jew

QARI I
Fil-Ktieb hemm miktub fuqi: Mulej ġejt nagħmel ir-rieda tiegħek.
Lhud 10: 4-10

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Għax ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.
Għalhekk Kristu meta daħal fid-dinja qal:
“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt: ‘Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla,’
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi.”
L-ewwel qal:
“Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet,
la ridthom u lanqas għoġbu”, għalkemm dawn titlobhom il-Liġi.
Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”.
B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni.
Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin,
permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 39 (40): 7-8a. 10-11b. 17

R/. (8a9a): Mulej, hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek.

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa. Mulej, dan inti tafu.
Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek;
il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom. R/.

Jithennew u jifirħu bik
dawk kollha li jfittxuk;
jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej”
dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 2: 8-9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Kristu obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejjnu bl-Isem li hu fuq kull isem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għandi ruħi mnikkta għall-mewt.
Mt 26: 36-42

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani,
u qal lid-dixxipli:
“Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob.”
U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew,
u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq.
Imbagħad qalilhom: “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt;
ibqgħu hawn u ishru miegħi.”
Mexa kemmxejn ‘il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid:
“Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi!
Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”
Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin;
u qal lil Pietru: “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi?
Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.
L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”
Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:
“Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu,
tkun magħmula r-rieda tiegħek.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu


Il-Ħamis wara Għid il-Ħamsin

Sidna Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u Etern
Festa

Illum niċċelebraw il-festa ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u etern, skont l-ordni ta’ Melkisdedek. Fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu qabel kull żmien. Bħala medjatur bejn Alla u l-bnedmin, biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, offra lilu nnifsu, darba waħda, bħala sagrifiċċju fuq l-altar tas-Salib, u sar Vittma ta’ salvazzjoni għad-dinja kollha. B’hekk, waqqaf sagrifiċċju li jibqa’ għal dejjem. B’imħabba ta’ aħwa għażel minn fost ulied Adam, irġiel tajba biex iżid fil-għadd is-saċerdozju, biex b’hekk minn dan is-sagrifiċċju, imġedded il-ħin kollu fil-knisja, joħorġu għejun ta’ qawwa divina li minnhom jinħolqu sema ġdid u art ġdida u fil-ħolqien kollu jsib il-milja tiegħu dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet u qatt ma daħal f’qalb il-bniedem.

Antifona tal-Introjtu ara Lhud 7, 24; 9, 15
Kristu, Medjatur tal-Patt il-Ġdid,
billi jibqa’ għal dejjem,
għandu saċerdozju li ma jintemm qatt.

Kolletta
O Alla, li għall-glorja tal-qawwa tiegħek
u għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha,
ħtart lil Ibnek il-waħdieni il-Qassis il-kbir u għal dejjem,
agħti li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu,
dawk li hu ħatar biex jaqdu u jamministraw il-misteri tiegħu
jilqgħu b’qalbhom kollha dan il-ministeru
u jaqduh bil-fedeltà.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla,
u li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu,
għal dejjem ta’ dejjem.

Talba fuq l-Offerti
Mulej, agħtina, li l-Medjatur tagħna Ġesù Kristu
iressaq quddiemek dawn l-offerti ħa jkunu jogħġbuk,
u miegħu jippreżenta lilna vittma għal qalbek.
Bi Kristu Sidna.

Prefazju: Is-saċerdozju ta’ Kristu u tal-Knisja
V. Il-Mulej magħkom.
R. U miegħek ukoll.
V. Nerfgħu qlubna ’l fuq.
R. Nerfgħuhom lejn il-Mulej.
V. Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.
R. Hekk sewwa u xieraq.

Sewwa u xieraq tassew, tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna
li dejjem u kullimkien irroddulek ħajr,
Mulej, Missier qaddis, Alla ta’ dejjem li tista’ kollox.
Int ikkonsagrajt lil Ibnek il-waħdieni bl-Ispirtu s-Santu,
u għamiltu l-Qassis il-Kbir tal-Patt il-Ġdid li jibqa’ għal dejjem;
u bi ħsieb liema bħalu għoġbok tordna
li s-saċerdozju waħdieni tiegħu jibqa’ dejjem fil-Knisja.
Hu, mhux biss iżejjen b’saċerdozju rjali
lill-poplu miksub minnu,
iżda wkoll, bi mħabba ta’ aħwa, jagħżel lil xi wħud
biex, bit-tqegħid tal-idejn,
iseħibhom miegħu fil-ministeru qaddis tiegħu.
Huma, f’ismu, iġeddu s-sagrifiċċju tal-fidwa tal-bniedem
fl-ikla tal-Għid li jħejju għal uliedek,
imexxu bl-imħabba l-poplu qaddis tiegħek,
jgħajxuh bil-kelma tiegħek,
u jqawwuh bis-sagramenti.
Huma jiddedikaw ħajjithom għalik
u għas-salvazzjoni ta’ ħuthom,
iħabirku ħa jsiru xbieha ta’ Kristu,
u jagħtuk dejjem xhieda tal-fidi u l-imħabba tagħhom.
Għalhekk, Mulej, aħna wkoll,
mal-Anġli u mal-Qaddisin kollha tiegħek,
nistqarruk u b’ferħ kbir intennulek:
Qaddis, Qaddis, Qaddis…

Antifona tat-Tqarbin Mt 28, 20
U ara, jien magħkom dejjem,
sal-aħħar taż-żmien.

Talba wara t-Tqarbin
Mulej, din il-vittma qaddisa, li offrejnielek u rċevejna,
timliena bil-ħajja,
biex b’rabta dejjiema ta’ mħabba miegħek,
nagħmlu frott li jibqa’ ghal dejjem.
Bi Kristu Sidna.


UFFIĊĊJU DIVIN
LITURĠIJA TAS-SIGĦAT

Il-Ħamis fuq Għid il-Ħamsin

SIDNA ĠESÙ KRISTU,
IL-QASSIS IL-KBIR U TA’ DEJJEM

FESTA

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR LIL ALLA

Ant. Insebbħu lil Kristu li għandu saċerdozju li jibqa’ għal dejjem.

Salm għas-Sejħa għat-Tifħir lil Alla mill-Ordinarju.

UFFIĊĊJU TAL-QARI

INNU
Qassis ta’ dejjem, medjatur waħdieni
li sa tron il-Missier int twassal talbna,
jixraq li lilek jagħtu kull ġieħ tagħhom
il-popli kollha.

Imnissel ġejt fil-ġuf ta’ xbejba safja,
inti li d-dinja żżomm wieqfa b’lemintek,
u twelidt fostna hawn biex toffri ruħek
b’vittma għalina.

Minn qabel il-ħolqien il-Missier dilkek
biż-żejt tal-hena li għal dejjem jibqa’
biex l-ogħla ġieħ int twassal sa fi ħdanu
għall-kobor tiegħu.

Il-laħam tagħna ħadt, o Alla l-għoli,
u bid-demm hekk għażiż minn tiegħek ħsiltu
sabiex isseddqu u tifdih għal dejjem
mill-mewt u l-jasar.

Kristu, merfugħ fuq tas-salib il-għuda
biex tiġbed lejk il-qlub tal-bnedmin kollha,
għalik is-sebħ li mal-Missier jingħata
u mal-Ispirtu. Ammen.

Option 2

Ġesù saċerdot, medjatur wieħed,
quddiem tron il-missier tidħol għalina.
Kull ġens, hekk xieraq, jgħolli lilek,
jgħanni tifħirek.

F’ġuf tfajla tnissilt, u sirt tarbija;
Driegħek setgħan iżomm id-dinja;
Twelidt għalina debha waħdanija
Tifħir jistħoqqlok.

Il-missier ħatrek qassis u dilkek
Bid-don tal-ferħ u b’żejt il-fwieħa
Qiegħdek fl-ogħla tas-sema miegħu
Bl-aqwa ġieħ mogħni.

Il-Kbir Alla tagħna laħamna libes;
Sar feddej b’demmu w bih naddafna;
Biħ fdejtna, bih ħassart il-ħtija,
U mill-mewt ħtaftna.

Kristu li mis-salib ġbidt lejk il-ħolqien kollu;
kull qalb infidt bl-imħabba tiegħek.
Agħtina li nfaħħruk mal-misser dejjem
u lill-Ispirtu. Ammen.

SALMODIJA

Ant. 1 Tlabt lil Missieri, u tani l-ġnus b’wirti.

Salm 2
Għaliex jixxewwxu l-ġnus,
u l-popli jreddnu għal xejn?
Is-slaten tal-art iqumu,
u l-kbarat jiftiehmu bejniethom
kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
“Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom,
u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom.”

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom,
il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.
Imbagħad ikellimhom bil-herra,
bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
“Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi,
fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi.”

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;
hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.
Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virġa tal-ħadid int tkissirhom,
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.

U issa, slaten, ifhmu sewwa;
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
Aqdu lill-Mulej bil-biża’,
u bir-rogħda riġlejh busu,
li ma jagħdabx u intom tinqerdu,
għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.
Hienja dawk kollha li jistkennu fih!

Glorja.

Ant. 1 Tlabt lil Missieri, u tani l-ġnus b’wirti.

Ant. 2 Offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla.

Salm 39 (40), 2-13

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.

Minn bir waħxi tellagħni,
minn qalb il-ħama u t-tajn;
fuq il-blat qegħedli riġlejja,
u saħħaħli l-mixi tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,
u jittamaw fil-Mulej.

Hieni l-bniedem
li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu,
u ma jmurx mal-kburin,
mogħtija għall-gideb.

Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi;
tal-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina;
ħadd ma jħabbatha miegħek!
Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem;
iżda huma ħafna biex insemmihom!

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej.
Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu.

Ma ħbejtx f’qalbi l-ġustizzja tiegħek;
il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;
ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek lill-ġemgħa kbira.

Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek;
it-tjieba u l-fedeltà tiegħek
iħarsuni għal dejjem!

Għax għalquni minn kull naħa
ħsarat li ma jingħaddux;
ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;
huma aktar mix-xagħar ta’ rasi;
għandi qalbi maqtugħa.

Glorja.

Ant. 2 Offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla.

Ant. 3 Kristu ħabb il-Knisja tiegħu u ta ħajtu għaliha, biex iqaddisha.

Salm 84 (85)

Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek;
reġġajt ‘il Ġakobb lura mill-jasar.
Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
ħfirtilhom dnubiethom kollha.
Reġġajt lura l-qilla tiegħek;
taffejt is-saħna tal-korla tiegħek.

Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna,
warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
Se tibqa’ għal dejjem tinkorla għalina?
Se tibqa’ għal dejjem tagħdab kontrina?

Mhux int li terġa’ tagħtina l-ħajja,
biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu
u l-ħbieb tiegħu, u għal dawk li jafdaw fih.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

Glorja.

Ant. 3 Kristu ħabb il-knisja tiegħu u ta ħajtu għaliha, biex iqaddisha.

R/. Kristu offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet.
V/. U għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.

LEZZJONI I

Qari mill-Ittra lil-Lhud 4, 14-16; 5, 1-10
Kristu l-Qassis il-Kbir

Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, biex joffri għotjiet u sagrifiċċji għad-dnubiet. Hu dak li jista’ jagħder ’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu. Ħadd m’għandu jieħu b’idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron.

Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu:
“Ibni int;
illum jien nissiltek.”
U kif jgħid ukoll band’oħra:
“Int qassis għal dejjem
skont l-ordni ta’ Melkisedek.”

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu, wara li Alla għamlu l-qassis il-kbir skont l-ordni ta’ Melkisedek.

RESPONSORJU Fil 2, 8; Is 53, 7
R/. Kristu ċekken lilu nnifsu, * Billi obda sal-mewt.
V/. Ħaqruh, u hu qagħad għalihom. * Billi obda sal-mewt.

LEZZJONI II

Qari mill-Enċiklika Mediator Dei tal-Papa Piju XI (AAS 39 [1947, 552-553)

Kristu l-Qassis u l-Vittma

Kristu hu tassew qassis, mhux għalih innifsu imma għalina, għax iressaq quddiem il-Missier ta’ dejjem it-talb u x-xewqat reliġjużi f’isem il-bnedmin kollha; bl-istess mod hu wkoll vittma, imma għalina, billi ħa fuqu l-ħtijiet tal-bnedmin.

Madankollu l-Appostlu jitlob mill-insara kollha, “aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù,” sabiex, skont ma tippermetti l-ħila tal-bniedem, ikollhom fihom l-istess sentimenti li kellu l-Feddej Divin, meta offra s-Sagrifiċċju tiegħu stess; jiġifieri li, bi spirtu umili, jaduraw, jagħtu ġieħ, ifaħħru u jroddu ħajr lill-kobor bla qies ta’ Alla.

Barra minn hekk, titlob li huma wkoll isiru vittma sabiex, skont il-preċetti tal-Evanġelju, jiċħdu lilhom infushom, jagħmlu minn rajhom għemejjel ta’ penitenza, u jistmerru dnubiethom u jpattu għalihom. Titlob ukoll li lkoll nissieħbu b’mod mistiku ma’ Kristu fil-mewt tiegħu fuq is-salib, sabiex inkunu nistgħu nagħmlu tagħna s-sentenza ta’ Pawlu: “Issallabt ma’ Kristu” (Gal 2, 19).

RESPONSORJU ara Gal 2, 20
R/. Ngħix bil-fidi fl-Iben ta’ Alla * Li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.
V/. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. * Li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.

INNU Lilek, o Alla, nfaħħru

Talba, mit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum.


TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

INNU

Jinsġu s-smewwiet u l-art din l-għanja ħelwa
b’tifħir lilek, Feddej tal-bnedmin kollha,
Kristu, li ħatrek il-Missier fi mħabbtu
b’qassis għalina.

Minn rajk int ridt, Ġesù, li fil-mewt tidħol
u d-dlamijiet tad-dnub int ġarrejt f’qalbek
sabiex twassalna lkoll qawwija u sħaħ
sa bieb is-sema.

Int fik temmejt tat-tempju r-riti mqaddsa
skont ma l-profeti wiegħdu sa mill-qedem,
u l-patt il-ġdid issiġillajt b’imħabbtek
biex jibqa’ għal dejjem.

U biex il-benna ta’ dal-patt iddewwaq
lilna l-bnedmin li fik sibna il-ħniena,
trejjaqna inti bil-ħobż ħaj li hu ġismek,
Qassis waħdieni.

Kristu, merfugħ fuq tas-salib il-għuda
biex tiġbed lejk il-qlub tal-bnedmin kollha,
għalik is-sebħ li mal-Missier jingħata
u mal-Ispirtu. Ammen.

Option 2

Is-sema u l-art tifħirek jgħannu,
Kristu Feddej tal-bnedmin kollha,
Li lill-Missier ħajtek offrejtha vittma
Qassis għal dejjem.

Minn rajk, bi ħlewwa mxejt il-mixja
Sa dlam il-mewt bl-eħrex tbatija,
Biex twassal lilna, mkissra w mitlufa,
Lejn bieb is-sema.

Fik seħħew kitbiet il-profeti kollha,
Biex temmejt ir-riti mqaddsa tal-imgħoddi
Patt ġdid nedejt bi mħabba ġdida
Ma’ Alla l-għoli.

Ta’ dan il-patt ħanin int awtur twajjeb
Ikel bnin ta’ dejjem fuq l-altar mogħti,
Tas-sliem qaddis sirt rahan u vittma,
Qassis waħdieni.

Kristu li mis-salib ġbidt lejk il-ħolqien kollu;
kull qalb infidt bl-imħabba tiegħek.
Agħtina li nfaħħruk mal-Misser dejjem
u lill-Ispirtu. Ammen.

Ant. 1 Bid-demm ta’ Kristu mxerred fuq is-salib, il-Missier ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Salmi u Kantiċi tal-Ħadd tal-Ewwel Ġimgħa

Ant. 2 Kollox bi Kristu u għal Kristu kien maħluq.

Ant. 3 Kollox taħt riġlejh qiegħed, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi l-Ġisem tiegħu.

LEZZJONI QASIRA Lhud 10, 5-10
Kristu meta daħal fid-dinja qal: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx. Jien imbagħad għedt: ‘Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla, kif fil-ktieb hemm miktub fuqi.” L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk”, għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

RESPONSORJU QASIR Salm 39, 8-9
R/. Ġejt * biex nagħmel ir-rieda tiegħek. Ġejt.
V/. Il-liġi tiegħek ġewwa qalbi. * Biex nagħmel ir-rieda tiegħek. Glorja. Ġejt.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija: Missier, ħa jkunu ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.

PREĊI
Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ, li timla bil-ġid tiegħek lil dawk kollha li jersqu lejk, fil-bidu ta’ dan il-jum, induru lejk bħala wliedek u bi, Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu nitolbuk:
Mulej, ismagħna.
Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj,
— mexxina fid-dawl tal-Verità tiegħek.
Kristu, il-Verb ta’ Alla, mal-Missier sa minn dejjem,
— qanqal fil-fidili tiegħek ix-xewqa li jxandru l-Evanġelju.
Ġesù, il-Midluk tal-Missier fl-Ispirtu s-Santu,
— ikkonsagra l-Knisja tiegħek fil-qdusija.
Kristu, il-Qassis il-Kbir tal-Patt il-Ġdid
— libbes bil-qdusija lis-saċerdoti tiegħek għall-glorja tal-Missier.
Kristu, l-Għerf ta’ Alla, sliem u rikonċiljazzjoni tagħna,
— agħmilna lkoll qalb waħda u ruħ waħda flimkien fil-Knisja tiegħek.
Kristu, il-Qassis ta’ dejjem, imsebbaħ mill-Missier,
— agħmel li l-offerta tagħna, msieħba ma’ tiegħek, trodd tifħir u glorja għal dejjem.

Missierna

Talba
O Alla, li għall-glorja tal-qawwa tiegħek u għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, ħtart lil Ibnek il-waħdieni l-Qassis il-kbir u għal dejjem, agħti li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, dawk li hu ħatar biex jaqdu u jamministraw il-misteri tiegħu jilqgħu b’qalbhom kollha dan il-ministeru u jaqduh bil-fedeltà. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.


IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

Salmi tal-ġurnata li jkun imiss.

Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Permezz ta’ Kristu aħna lkoll għandna fi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.

LEZZJONI QASIRA Lhud 7, 26-27
Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet; li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.

R/. Ifirħu, għax qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu.
V/. Biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu.

F’Nofsinhar
Ant. Intom mibnijin lkoll fuq is-sisien tal-Appostli u tal-Profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka.

LEZZJONI QASIRA 1 Pt 2, 4-5
Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.

R/. Bħalma lqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej, għixu mela magħqudin miegħu.
V/. Niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu, u hekk tissaħħu fil-fidi.

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu, għall-bini tal-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja.

LEZZJONI QASIRA 1 Pt 2, 9-10
Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb. Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta’ Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu.

R/. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom.
V/. Li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed.

Talba, mit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum.

L-Għasar

Kristu, għal dejjem saċerdot
tal-patt il-ġdid li ma jintemmx,
talbna lejk nerfgħu f’dan il-ħin
f’din l-għanja kollha mħabba għalik.

Minn dar Missierek inti ħriġt
biex taħfer il-ħtija tagħna,
tnissilt fil-ġuf safi t’ommok,
fqajjar u ubbidjenti sirt.

Kollox imlejt b’dawl il-grazzja
u d-dell qadim tad-dnub keċċejt,
hekk li għalik int ksibt il-ġieħ
ta’ kbir Sultan u Saċerdot.

Debħa qaddisa u pura,
sal-aħħar qatra int xerridt
ta’ demmek biex tagħti ’l-ulied
is-sehem f’imħabbet il-Missier.

Għalina bħala vittma int
ruħek offrejt ħa ssalvana;
u t-triq għall-ġenna inti ftaħt
bi tlugħek lura fis-sema.

Sebħ lilek, o Qassis il-Kbir,
illi ma tehda qatt toffri
ruħek lill-Missier bl-Ispirtu
Qaddis għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. 1 Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: Inti qassis għal dejjem.

Salm 109 (110), 1-5. 7

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:
“Oqgħod fuq leminti,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek
mirfes taħt riġlejk.”

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon:
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa,
sa minn qabel is-sebħ
bħan-nida jien nissiltek.

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih:
“Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.”
Sidi fuq lemintek,
jidrob is-slaten f’jum qilltu.

Mill-wied jixrob fi triqtu,
għalhekk jerfa’ ‘l fuq rasu.

Glorja.

Ant. 1 Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: Inti qassis għal dejjem.

Ant. 2 Alla, għani fil-ħniena tiegħu, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu.

Salm 110 (111)

Hallelujah! Inrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,
fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;
ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu;
twajjeb u ħanin il-Mulej.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu,
jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta’ għemilu,
meta qassam lilhom art il-ġnus.

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh;
ta’ min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,
imwettqa għal dejjem ta’ dejjem,
magħmula bis-sewwa u bid-dritt.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu,
waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu.
Qaddis u tal-biża’ hu ismu!

Il-bidu tal-għerf hu l-biża’ tal-Mulej:
tassew bil-għaqal kull min jimxi bih,
għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu!

Glorja.

Ant. 2 Alla, għani fil-ħniena tiegħu, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu.

Ant. 3 Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha.

Kantiku Kol 1, 12-20

Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji
li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
Ħelisna mill-ħakma tad-dlam,
u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub,
li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, mxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Glorja.

Ant. 3 Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha.

LEZZJONI QASIRA Lhud 10, 19-23
Ladarba, l-aħwa, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi. Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.

RESPONSORJU QASIR Rum 5, 1b-2b
R/. Għandna s-sliem ma’ Alla * permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għandna s-sliem.
V/. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. * Permezz ta’ Sidna. Glorja. Għandna s-sliem.

Ant. tal-kantiku ta’ Marija: Missier, nitlob għal dawk li huma tiegħek, u jien igglorifikat permezz tagħhom: qaddishom permezz tal-verità.

PREĊI
Permezz ta’ Kristu, irressqu t-talb tagħna lil Alla l-Missier, li jmexxi kollox bir-rieda tiegħu u jbierek lil dawk kollha li jafdaw fih. B’fiduċja nitolbuh:
Ilqa’ t-talb tagħna.

Kristu, il-Verb tal-Missier,
— qiegħed fuq xufftejna dak li ser nitolbuk.
Kristu, il-Qassis u l-Ħobż tal-Ħajja,
— agħmel li l-magħżulin tiegħek jgħixu d-don tas-Saċerdozju tagħhom, huma u jwasslu għall-milja fik l-għotja tagħhom infushom.
Kristu Msebbaħ, li dejjem tidħol għalina quddiem il-Missier,
— żommna sħaħ fit-talb, sabiex qatt ma jiġu nieqsa l-ħaddiema fil-ħsad tiegħek.
Kristu l-Mulej, mibgħut mill-Missier,
— agħmel li fik kulħadd isib il-ħajja u t-triq tas-Saltna.
Kristu, Iben ta’ Alla l-ħaj, li bil-mewt tiegħek irbaħt il-mewt,
— agħmel li l-offerta ta’ ħutna l-mejtin infushom matul ħajjithom tagħtihom l-hena ta’ dejjem fil-glorja.

Missierna

Talba
O Alla, li għall-glorja tal-qawwa tiegħek u għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, ħtart lil Ibnek il-waħdieni l-Qassis il-kbir u għal dejjem, agħti li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, dawk li hu ħatar biex jaqdu u jamministraw il-misteri tiegħu jilqgħu b’qalbhom kollha dan il-ministeru u jaqduh bil-fedeltà. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.


MARTRILOĠJU RUMAN

11. Il-Ħamis fuq Għid il-Ħamsin
Il-Festa ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u ta’ Dejjem, skont l-ordni ta’ Melkisedek, li fih qabel kull żmien il-Missier sab l-għaxqa tiegħu, u li, biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, bħala l-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin, offra lilu nnifsu bħala Vittma għas-salvazzjoni tad-dinja fuq l-altar tas-salib. U meta waqqaf din l-għamla ta’ sagrifiċċju li jibqa’, fl-imħabba tiegħu għal ħutu, minn fost ulied Adam għażel irġiel biex ikattar is-saċerdozju sabiex jibqgħu jnixxu fil-Knisja x-xmajjar tal-grazzja divina, li permezz tagħhom jitnisslu s-smewwiet ġodda u l-art ġdida, u mad-dinja kollha jitwassal għall-milja tiegħu dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem.

17. Il-Ħamis fuq Għid il-Ħamsin: Sidna Ġesù Kristu, Qassis il-Kbir u ta’ Dejjem
Lhud 9, 24-25

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading