It-22 Ħadd matul is-Sena Ċ. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Kull min qal jew kiteb xi ħaġa dwar Papa Ġwanni XXIII dejjem sostna li meta l-kardinali għażlu lil Angelo Roncalli bħala Papa (hekk kien jismu dal-Papa qabel ġie magħżul bħala Papa) kienu għażlu bniedem twajjeb, bniedem simpatiku u fuq kollox bniedem umli.

Iktar tard dal-Papa kiteb hekk: “Dak inhar li ntgħażilt bħala Papa, ġejt mistieden biex inbierek għall-ewwel darba l-folla miġbura fi pjazza San Pietru. Kelli nitla’ fuq is-sedia gestatoria (siġġu li jintrefa fuq l-idejn (neħħa l-użu tiegħu Papa Luciani) u ngħaddi nbierek lil mijiet ta’ nies iċapċpu u jgħajtu ‘Viva l-Papa’…” X’mistħija…għalaqt għajnejja u baxxejt rasi. Dak il-ħin ħassejt jidwu f’widnejja kelmiet minn taħt ilsien: “Angelino tiegħi, ibqa’ umli, ibqa’ umli, ibqa’ umli!” Żgur kienu l-kelmiet ta’ ommi l-għażiża u konvint li anki jekk iben jintgħażel bħala Papa, irid jibqa’ jagħti każ u jobdi l-pariri t’ommu” Illum Papa Ġwanni XXIII huwa qaddis u jinsab f’kaxxa tal-ħġieġ fil-Bażilka tal-Vatikan għal qima ta’ kulħadd għax “min jiċċekken, jitkabbar!”

Għażilt li nibda fl-eżempju tal-Papa Ġwanni XXIII għax dak li qrajna llum, b’mod speċjali l-vanġelu u l-ewwel lezzjoni jitkellmu fuq l-umilta’, il-virtu’ kontra d-dnub tas-suppervja. Ħa nibda bil-vanġelu…

Jgħidilna San Luqa li jum fost l-oħrajn, Ġesu’ daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu. Ma kienx hemm problema: Ġesu’ ma jwarrab lil ħadd, jiddjaloga ma’ kulħadd…Kull midneb jista’ jitlob maħfra lil Ġesu’ permezz tal-qrar u jibda paġna ġdida. Pero’ hekk kif kienet se tibda l-ikla ġrat xi ħaġa li Ġesu’ ma setax jiflaħha. X’ġara? Beda jara b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem. U għaliex ħaġa bħal din ma setax jiflaħha? Għax Ġesu’ kien tassew umli! Hu stess, għad li kien Alla, xejjen lilu nnifsu, twieled ġo għar tal-annimali, trabba ġo Nazaret raħal bla ġrajjiet, qala’ x’jiekol bħala mastrudaxxa, miet imsammar ma’ salib bejn żewġ ħallelin, indifen ġo qabar ġdid imma mhux tiegħu. Allura jista’ jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli.”

Minkejja dan li għadni fik għedt, jeżistu nsara li huma mkabbra, bihom infushom. Bħall-Fariżej ta’ żmien Ġesu’ arahom jirringrazzjaw lil Alla li mhumiex bħal bqija tal-oħrajn. Tiġini f’moħħi l-parabbola tal-Fariżew u tal-pubblikan li marru fit-tempju biex jitolbu. Hu u jitlob, il-Fariżew għamel paniġierku lilu nnifsu: “O Alla, inroddlek ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja jew ukoll bħal dan il-pubbikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.” Iżda l-pubblikan, bil-wieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma  beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija għax jiena midneb!” Ikompli jgħid Ġesu’: “Ngħidilkom jien li dan u mhux l-ieħor niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken, u min jiċċekken jitkabbar. (ara Luqa 18, Sirak 10-14)

Niġi għall-ewwel lezzjoni meħuda mill-ktieb ta’ Bin. Bin Sirak jitkellem mill-virtu’ tal-umilta’. X’inhi l-umilta’? L-umilta’ hija stima tagħna nfusna kif aħna verament: hekk kif għamilna Alla. Jekk għandna ġisem b’saħħtu, jekk għandna idejn u saqajna b’saħħithom, jekk għandna moħħ intelliġenti għandna dejjem nkunu rikonoxxenti lejn Alla għax Hu l-awtur tagħhom. Fi kliem ieħor dak kollu li aħna u dak kollu li għandna rridu nużawh bħala self minn għand Alla: allura ħadd minna m’għandu jiftaħar jew jitkabbar b’dak li jirnexxilu jagħmel. Pero’ jgħid awtur kapuċċin f’wieħed mill-kotba tiegħu: “Id-dinja hija mimlija bis-suppervja. Dis-suppervja bdiet fil-Ġnien tal-Għeden, meta Adam u Eva għamlu dak li Alla ma xtaqhomx jagħmlu: dnub li baqa’ jintiret sal-lum minn ġenerazzjoni għall-oħra.”

Nispiċċa: kien hemm mara li Alla ħelisha minn dan id-dnub tas-suppervja u din il-mara kien jisimha Marija. Marija kienet mara kbira għax bl-‘iva’ tagħha lill-Anġlu Gabrijel, l-Iben t’Alla tnissel fil-ġuf safi tagħha. Marija tista’ tkun eżempju għalina għax għalkemm kbira attribwiet kollox lil Alla. “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading