IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
XXVI Ħadd taż-Żmien Ordinarju
Il-Ħadd, 28 ta’ Settembru, 2025
Għeżież ħuti,
Minn qalbi nsellem lilkom ilkoll li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni ġjubilari dedikata lill-katekisti. U flimkien magħkom nixtieq nibgħat l-awguri sinċieri għas-servizz li jagħtu lill-Knisja madwar id-dinja kollha, il-katekisti rġiel u nisa! Nitolbu għalihom, speċjalment għal dawk li jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ diffikultajiet kbar. Alla jberikkom!
Insellem lill-pellegrini mid-djoċesi ta’ Vicenza flimkien mal-Isqof tagħhom u lill-gruppi ta’ fidili oħra minn bosta pajjiżi.
Dal-ġranet, tifun ta’ qawwa eċċezzjonali ħakem diversi territorji ażjatiċi, partikolarment il-Filippini, il-gżira ta’ Taiwan, il-Belt ta’ Hong Kong, ir-reġjun ta’ Guangdong u l-Vjetnam. Jien qrib il-popolazzjonjiet li ntlaqtu minn dit-traġedja, speċjalment l-aktar foqra, u nitlob għall-vittmi, għal dawk li għadhom mitlufin, għall-bosta familji turufnati, għall-bosta persuni li tilfu ħwejjiġhom u wkoll għal dawk li qed jgħinuhom u l-awtoritajiet ċivili. Nistieden lil kulħadd biex isaħħaħ il-fiduċja f’Alla u għas-solidarjetà. Jalla l-Mulej jagħtihom qawwa u kuraġġ biex jirnexxilhom jegħlbu kull kuntrarju.
Bil-ferħ inħabbar li fl-1 ta’ Novembru li ġej, fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Dinja tal-Edukazzjoni, se nagħti t-titlu ta’ Duttur tal-Knisja lil San John Henry Newman, li ta kontribut deċisiv għat-tiġdid tat-teoloġija u biex id-duttrina nisranija tkun tinftiehem aħjar.
U issa bil-fiduċja nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija. Jalla hi, li kienet l-omm u l-ewwwel dixxiplu ta’ Ġesù, twieżen l-impenn tal-Knisja fit-tħabbir tal-fidi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber