Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għall-inqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”.
U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.
Lq 18: 11-19.
- Riflessjoni/talba:
i. Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.
Ried jurihom li għandhom dejjem jitolbu
bla ma jaqtgħu (ἐνκακεῖν)
bla ma jgħejjew jew jiskuraġġixxu ruħhom
bla ma jimtlew b’rabja
bla ma jiħżienu tul il-vjaġġ
Hekk kif San Pawl iħeġġeġ biex wieħed
jibqa’ jagħmel it-tajjeb bla ma jgħijja (Gal 6,9)
jew bla ma jirrikorri għall-ħażen biex iwettaq it-tajjeb.
Irrifletti:
• Ikkontempla lil Ġesù li baqa’ jitlob u jwettaq it-tajjeb f’nofs ir-reżistenzi li sab ma wiċċu?
ii. Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”.
Quddiem awtorità bla skrupli jew prinċipji –
la rispett lejn Alla u lanqas lejn in-nies –
din l-armla, nieqsa mir-riżorsi, poter, jew kuntatti,
iġġorr fiha qawwa,
passjoni għall-ġustizzja,
persistenza biex tfittex dak li hu sewwa:
persuna li taġixxi b’integrità u konsistenza.
Irrifletti
• Min huma l-persuni li għandhom determinazzjoni bħal ta’ din l-armla?
iii. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.
Meta ż-żmien itul u l-ġranet jgħaddu
meta donnu m’hu qed jinbidel xejn
u ż-żmien waqaf
meta jiżdiedu r-reżistenzi flok il-frott
Ġesù jibqa’ jitlob lill-Missier
sakemm il-Qawmien jissorprendi.
Imma meta dak li hu ħaj – Bin il-bniedem –
jerġa jiġi, se jsib l-istess fiduċja?
Irrifletti
• Fejn tixtieq titlob għad-don tal-paċenzja u l-fidi?
- Missierna