Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej!
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”.
Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri”. Mt 2: 13-15.19-23.
- Riflessjoni/talba:
i. Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu.
Jekk Ġużeppi tal-Ġenesi
spiċċa fl-Eġittu
mibjugħ mill-għira ta’ ħutu
wara l-ħolm mifhum bħala superjorità
Ġużeppi f’Mattew
jinżel l-Eġittu
kawża ta’ politika li tfittex poter
u l-ħolma ta’ min dedikat biex iħares:
lit-tifel u lil ommu!
Irrifletti:
• X’inhu dak li qiegħed jimmarka l-esperjenza tal-familji llum?
ii. Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael.
F’Mattew, Ġesù – il-Mosè il-ġdid:
jgħaddina mill-theddida tal-mewt
għal dak li jagħti l-ħajja
mal-kmandamenti –
l-kliem li jassiguraw it-triq li tipproteġi l-ħajja –
jagħtina l-beatitudnijiet
li jassiguraw li t-triq twassal għall-hena.
B’tant passaġġi mill-mewt għall-ħajja
li tissaħħaħ il-familja.
Irrifletti
• Fil-familja tiegħek fejn għixt il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja?
iii. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret.
Għal darb’oħra
Ġużeppi jagħraf it-triq ‘l quddiem waqt il-ħolm.
Imma mhux għax jgħix fil-ħolm
mhux għax jibni ħajtu fuq il-fantasiji
jew l-aspettativi li fassal f’moħħu. Anzi!
Saqajh mal-art –
jaf x’għaddej, il-mexxejja xi jsarrfu, ir-riskji x’inhuma,
jaf jaqra l-emozzjonijiet, il-biżgħat li jgħinuh jaqra l-perikli –
u qalbu f’Alla –
jaf jinfetaħ għat-triq li Alla biss jaf
jaf jimpenja ruħu fin-normalità fejn isseħħ l-imħabba: Nażaret.
Irrifletti
• Kif tpoġġi flimkien ir-realtà kumplessa u l-fiduċja f’Alla?
- Missierna