It-Tielet Ħadd tar-Randan. Sena A

Minn D. Edward Vella

L-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna bla dubju hija li nkunu ferħanin, iżda x’jagħmlu ferħan lill bniedem? Skont ħafna studjużi tal-imġieba umana dak li hu l-aktar importanti għalina huwa li wieħed iħossu maħbub u li jkun kapaċi jħobb. Hija l-imħabba li nirċievu u nagħtu ċ-cavetta tal-veru ferħ u sodisfazzjon fil-ħajja. Din it-tweġiba, għad li tidher sempliċi, fil-fatt ma hijiex, għax huma ħafna dawk in-nies li ma jħossuhomx maħbubin fil-ħajja.

Il-vanġelu tal-lum qed ikellemna fuq waħda mara samaritana li għad li kellha ħafna relazzjonijiet, infatti kienet fis-sitt waħda, fil-fond ta’ qalbha kienet tħossha li falliet, li ma hijiex maħbuba, forsi wkoll li ma jistħoqqiliex tkun maħbuba. Qalbha kienet bħal blat tal-Ħoreb, li dwaru smajna fil-ewwel qari tal-lum, blat niexef. Iżda l-Mulej jista’ wkoll joħroġ l-ilma mill-blat kif fil-fatt għamel. Ninnutaw il-bidla li bil-mod il-mod Ġesù ġab f’din il-mara.

Hu nteressanti li din il-mara tmur timla l-ilma f’nofsinhar, ħin li fih ma tantx hu prattiku li wieħed imur jimla l-ilma f’dik is-sħana kollha li jagħmel f’dak il-pajjiż. Żgur li din il-mara marret dak il-ħin biex tevita n-nies; forsi kienet ġiet f’ilsien in-nies, u allura kienet tevita li tiltaqa man-nies. Iżda din id-darba kellha sorpriża, sabet jistenniha raġel Lhudi, u minflok ma njuraha, kif żgur kien jagħmel kull raġel Lhudi ieħor, talabha tagħtih jixrob. Dan għamlu biex iħabbat fuq il-qalb tagħha kif Mosè ħabbat fuq il-blat tal-Ħoreb. Hi, kollha mistaġba, staqsietu kif jista’ jkun li Lhudi jixrob mill-ġarra ta’ mara Samaritana, għaliex l-Lhud qatt ma jitħalltu mas-Samaritani. Iżda l-verità hija li Ġesù ried jagħti lilha tixrob, mhux ilma mill-bir iżda ilma ħaj. ‘…min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem’. Ġesù mhux qiegħed jitkellem fuq l-ilma tal-bir, iżda qiegħed jitkellem mill-imħabba vera li qalbha tant kient għatxana għaliha.

Ġesù joffri lil din il-mara l-imħabba safja. Ninnutaw l-bidla li ssir f’din il-mara; l-ewwel x’ħin rrakkontalha ħajjitha tgħidlu ‘Int profeta, Sinjur’. Ftit wara spjegalha li biex wieħed jadura verament ’l Alla mhux l-post fejn jagħmel dan huwa l-aktar importanti iżda qalb il-bniedem f’rabta vera ma’ Alla. Din il-mistoqsija li għamlet lil Ġesù kienet kawża ta’ argumenti jaħarqu bejn il-Lhud u s-Samaritani u meta weġibha hekk tajjeb hija telqet lejn ir-raħal tagħha u qaltilhom x’qalilha u ‘Tgħid, dan il-Messija?’ F’qalbha hija kienet diġa emmnet li Ġesù kien tabilħaqq il-Messija. Iżda fl-aħħar tas-silta jsir pass importanti ħafna ieħor; fuq ix-xhieda tagħha ħafna samaritanti jemmnu mhux biss li Ġesù huwa l-Messija iżda ‘dan tassew hu s-salvatur tad-dinja’. Ġesù kien tabilħaqq irnexxielu jibdel dik il-qalb magħluqa f’qalb mimlija mħabba hekk li din il-mara ssir mhux biss dixxiplu iżda appostlu tiegħu mas-samaritani.

Wieħed mill-akbar żbalji li waqa fih il-bniedem tal-lum huwa li jħallat flimkien l-imħabba mas-sess: mhux kull fejn hemm is-sess hemm l-imħabba, u fejn ma hemmx imħabba vera s-sess mhux ser joħloqha. Il-qalb ta’ ħafna minna wkoll, bħal qalb tas-samaritana qisa l-blat tal-Ħoreb, nieqsa mill-imħabba. Huwa Ġesù biss li jista’ jimla l-qalb tagħna bil-vera mħabba, dik l-imħabba li tant nixtiequ u tant għandna bżonnha u li ħafna draba aħna, bħal mara samaritana, nfittxuha fil-post żbaljat.

Mulej Ġesù, qalbna bħal blat tal-Ħoreb hija ħafna drabi niexfa mill-imħabba. Huwa int biss li tista’ tagħtina dik l-imħabba sħiħa u inkondizzjonata li tant għandna bżonnha. Għinna Mulej ħalli wara li nduqu mħabbtek, aħna wkoll inkunu kapaċi nħobbu lill-oħrajn kif tħobbna int. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading