Il-Ġimgħa l-Kbira, 3 ta’ April 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Azzjoni Liturġika fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
F’Ġesù Msallab, li għadna kif smajna l-aħbar it-tajba tiegħu, li narawh madwarna anki f’dawn l-istatwi li jirrappreżentawh tant tajjeb, joqogħdu t-tbatijiet kollha tagħna. Hemm wisa’ għat-tbatijiet kollha tagħna f’Ġesù Msallab. Nistgħu narawhom kollha kemm huma f’dan il-ġisem imbiċċer, f’din il-qalb imkissra, f’dan il-moħħ imtaqqal… jekk humiex tbatijiet tal-ġisem, jekk humiex tbatijiet tal-qalb, jekk humiex tbatijiet tal-moħħ.
U għalhekk qegħdin hawnhekk illejla bil-persuna sħiħa tagħna – bil-moħħ tagħna, bil-qalb tagħna, bil-ġisem tagħna. Għax hawn wisa’ għal kull esperjenza ta’ dulur, ta’ tbatija li ngħaddu minnha. Imma interessanti li l-Vanġelu tal-lum (Ġw 18:1–19:42), kif smajna tant tajjeb, jibda fi ġnien – il-Ġnien taż-Żebbuġ; u jispiċċa fi ġnien – il-ġnien li fih kien hemm il-qabar ġdid li mbagħad jilqa’ l-ġisem ta’ Ġesù. Dan xi jfisser? Li fil-ġnien m’hemmx post għall-mewt. Fil-ġnien m’hemmx wisa’ għall-mewt. Għax iż-żerriegħa li tmut, taqa’ u tegħreq fil-ħamrija, tkun dejjem fi ġnien, li hu l-għajn ta’ ħajjiet oħra.
L-Isqof Tonino Bello jirrakkonta daqsxejn ta’ fatt fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu f’Molfetta, fin-nofsinhar tal-Italja. Jgħid illi darba daħal fil-Katidral u ma’ ħajt kbir vojt jara Kurċifiss antik Medjevali mdendel. Taħtu kien hemm biċċa karta miktuba mill-kappillan tal-Katidral malajr malajr bi jdejh: “Collocazione provisoria”, fi kliem ieħor, il-Kurċifiss qiegħed hawnhekk b’mod proviżorju. Meta ra din il-karta miktuba, l-Isqof Tonino Bello ħaseb li kienet it-titlu tal-biċċa xogħol tal-arti. Wara li għamel iċ-ċelebrazzjoni, hu u ħiereġ mill-Katidral, idur fuq il-Kappillan u jgħidlu: “Ara ma jfettillekx tħarrku dak il-Kurċifiss minn fejn hu! Ara ma jfettillekx tneħħiha dik il-karta, li ktibt taħtu!”.
U jkompli Tonino Bello: għax il-Kurċifiss, it-tbatijiet kollha tagħna huma “collocazione provisoria”. It-tbatijiet kollha tagħna huma marbutin biż-żmien, mhumiex għal dejjem. It-tbatijiet kollha tagħna huma bħal dak il-Kurċifiss, li qiegħed hemmhekk għal ftit ħin. Aħna wkoll, it-tbatijiet kollha tagħna – humiex tal-moħħ, humiex tal-qalb, humiex tal-ġisem – huma għal ftit ħin. Għax hemm ġnien li qed jistenniena mmutu fih, ħalli bħal Ġesù, kull wieħed u kull waħda minna, aħna li mitna minħabba t-tbatija li nġarrbu, bħal Ġesù nkunu żerriegħa li tmut biex tagħti l-ħajja.