Anke jekk il-bibien magħluqa. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tal-Għid.

Ħsieb minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej; henjin dawk li ma rawx u emmnu.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu. Ġw 20:19-31

  1. Riflessjoni/talba:

i. Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Il-forzi tal-ħażen qegħdin hemm
it-tbatija fuq min iġarrabha hija enormi
il-biża’ tiġi naturali.

Iżda dak li ħa fuqu l-konsegwenzi tal-ħażen
u qam mill-mewt, jiftaħ triq oħra:
joħloq xi ħaġa ġdida, don li ma jittieħidx lura:

Il-paċi magħkom.

Irrifletti:
• Fejn iġġorrna l-isfel l-esperjenza tal-ħażen ta’ madwarna? Xi jfisser li temmen fl-Irxoxt?

ii. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”..

Xi ħaġa unika seħħet:

Dak li Hu l-vittma
ma jiġix b’rassenjazzjoni
ma jiġix b’vendetta
ma jiġix biex joħloq sens ta’ ħtija li tipparalizza;

dak li Hu ħaj
jiġi biex jiġġenera ħajja
jiġi biex jagħti l-esperjenza tal-maħfra
jiġi biex dawk li jirċevuha isiru huma stess dawk li jiġġeneraw ħajja.

Irrifletti
• Xi jfisser għalik li tirċievi l-maħfra? Li tagħti l-maħfra?

iii. Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”.

“Ġejt għal wieħed.
Ma ġejtx għall-ġusti.
Ma qagħadx tistenna sakemm ifiq mill-isfiduċja.
Dħalt bil-bibien magħluqa, kif jidħol id-dawl mit-tifrik.

Żammejt il-feriti.
Mhux biex tikkundanna, iżda biex jistgħu imissuk.
Il-kustat. L-idejn miftuħa.
Il-fidi, kultant, tibda minn ferita.

Għalhekk nitolbok:
Erġa lura għalija.
Tħallinix fil-lejl tiegħi.
Ma nafx infittxek.
Ejja anke jekk inżomm magħluq.
Ejja anke jekk ma nemminx biżżejjed.
Ejja anke jekk beżgħan.” Luigi Santopaolo.

Irrifletti

• Bħal Tumas, agħmel it-talba tiegħek.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading