Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosni.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.
Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”. Ġwanni 10, 1-10
- Riflessjoni/talba:
i. Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Hemm min jidħol fl-ispazju sigur tagħna
permezz tal-manipulazzjoni
qerq jew seduzzjoni.
Imma min irid il-ġid
jersaq b’ġentilezza
sens ta’ trasparenza u onesta.
Irrifletti:
• Fil-ħajja u fis-soċjetà fejn tara eżempju ta’ briganti? Fejn ta’ rgħajja?
ii. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.
Hemm lingwaġġ maħdum biex iqarraq
il-kontra ta’ dak li suppost ikun.
Mhux hekk ir-ragħaj it-tajjeb!
Ikellem il-qalb
iwieġeb għall-għatx li għandna għall-verità
iwassal għal ftuħ mhux għal għeluq, injoranza, staġnar
imexxi l-persuni ‘l quddiem mhux jitfagħhom lura.
Irrifletti
• Liema diskors jgħinek tiltaqa’ ma’ dak li vera tixtieq? Liema jtellfek?
iii. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.
Kif inhi din
li r-ragħaj jgħid li huwa l-bieb?
Kif inhi din
li għandu ċ-ċans jaħkem u jikkontrolla
imma, minflok, jagħżel li jiftaħ, jagħti spazju, libertà.
Għax ġie biex ikollna l-ħajja bil-kotra:
musbieħ inemnem ma jgħattihx
għax inkella il-fjamma tinfena!
Irrifletti
• Min tak l-ispazju biex tikber, tipprova, ma tibżax tgħix?
- Missierna