Dun Vinċenz: tiltaqa’ miegħu kont tħossok milqugħ bħalma tħoss li jilqgħek il-Mulej. Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-Ħadd, 26 ta’ April 2026: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Quddiesa f’suffraġġju għal Dun Vinċenz Deguara. Knisja Arċipretali ta’ San Sebastjan, Qormi.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Minħabba fl-għerf nikseb ħajja bla tmiem u nħalli lil ta’ warajja tifkira għal dejjem.” Meta kont qed nitlob fuq l-esperjenza li laqqgħatna ma’ Dun Vinċenz, ġewni dawn iż-żewġ kelmiet: bil-ħlewwa u bil-qawwa – ‘suaviter et fortiter‘ u fittixt ftit din l-espressjoni minn fejn ġejja. Skoprejt li ġejja mill-Ktieb tal-Għerf, mill-kapitlu 8, u bdejt naqra. U sibt ukoll fil-vers 13, dan il-vers li għadni kemm qrajtilkom: “Minħabba fl-għerf nikseb ħajja bla tmiem u nħalli lil ta’ warajja tifkira għal dejjem.”

Dun Vinċenz, sa minn żgħożitu, tħabbeb mal-għerf ta’ Alla. “L-għerf jien ħabbejtu u fittixtu sa minn żgħożiti; u fittixt nidħol f’għerusija miegħu, u tgħaxxaqt bi ġmielu. U n-nobbiltà tiegħu tidher fl-għaqda tiegħu ma’ Alla, u għax lilu jħobb is-Sid ta’ kollox.” (Għerf 8:2-3). U ltqajna ma’ dan ir-raġel li daħal fir-raħal tagħna mill-bieb. Ma daħalx bħal ħalliel li jrid jisraq u joqtol u jieħu pussess bi vjolenza, imma daħal mill-bieb tal-ubbidjenza u għax daħal mill-bieb tal-ubbidjenza, il-leħen tiegħu kien il-leħen tar-ragħaj. U aħna konna nisimgħuh u nsegwuh bil-qalb, għax hu daħal mill-bieb tal-ubbidjenza.

Niftakru jgħidli: ‘Meta l-Isqof bagħatni hawn ma kontx naf eżattament fejn jiġi Ħal Qormi minn Birżebbuġa. Imma tgħallem, sar parti minna, parti min-nisġa ta’ ħajjitna. U meta tħares lejn dan it-tempju u tfittex momument għal dan ir-raġel ta’ ħlewwa imma ta’ qawwa, ftakar f’dak li Wren kiteb fuq il-Katidral ta’ San Pawl: “Don’t look for your monument. Look around – Tfittix monument għalih, ħares madwarek.” Għax dan it-tempju, li huwa frott il-qlubija u l-kuraġġ tal-Qormin, huwa wkoll monument għat-tmexxija ta’ dan ir-raġel, li meta l-Isqof Gonzi bagħtu hawn bħala viċi, ma rrealizzax li fi ftit snin kien se jkun kappillan, u jkollu jtemm il-ħolma ta’ dan it-tempju. Imma hekk sar. Il-Mulej ukoll tah il-grazzja jkun xhud tat-tberik tiegħu u anki tal-konsagrazzjoni tiegħu.

Daħal mill-bieb imma wriena wkoll il-bieb li huwa Ġesù. Ġesù hekk jgħid illum: “Jiena hu l-bieb” (Ġw 10:7). U l-insistenza tiegħu li fuq it-tron kbir ta’ dan it-tempju maestuż ikun hemm Ġesù, kienet l-insistenza ta’ Dun Vinċenz, kontra l-ħolm ta’ kulħadd li hawnhekk jirrenja Ġesù u lil San Bastjan inqimuh bħala l-martri ta’ Kristu. Kienet ukoll ix-xhieda tiegħu tal-imħabba ta’ ħajtu li għadda lil kull wieħed u waħda minna fil-ministeru tiegħu bħala viċi, bħala kappillan, fil-quddies li kien iqaddes, fil-prietki li pprietka, fil-qrar, il-ħafna qrar li bih laqqa’ lill-bnedmin mal-ħniena kbira ta’ Alla.

Illum is-Seminarju jsellimlu wkoll għaliex iddedika snin sħaħ bħala direttur spiritwali ma’ ħafna minna s-saċerdoti. Illum nħossuna orfni ta’ missier spiritwali, missier fi Kristu. L-għerf tiegħu ma kienx tad-dinja. Beda l-ħajja jaħdem fit-Tarzna u tgħallem xi tfisser tkun ħaddiem u ħaddiem tal-id.

Ħajja ta’ fedeltà, ta’ ħajja ta’ servizz, ta’ ħajja ta’ mħabba totali lill-poplu ta’ Alla.

Imma l-Mulej ħarsu, kien iħobb jgħid: ‘Il-Mulej ħarisni, iddefendieni, riedni għalih.’ U hu aċċetta din is-sejħa u ngħata lill-Mulej. U sab lill-Mulej fil-ħarsa ta’ kull wieħed u waħda minna. Tiltaqa’ miegħu kont tħossok milqugħ bħalma tħoss li jilqgħek il-Mulej li miet, issallab għalik u qam għalik. U hekk Dun Vinċenz sar xbieha sabiħa tar-ragħaj it-tajjeb, tar-ragħaj li l-Appostlu Pietru jsejjaħlu “r-ragħaj u l-għassies ta’ ruħna” (1 Piet 2:25).

Kien jgħasses lil ruħna bi ħlewwa, b’kelma ġwejda, bl-umiltà tiegħu imma anki bil-kelma soda tiegħu, marbuta kif dejjem kienet, b’lealtà kbira lejn il-Knisja, lejn l-Isqfijiet tagħna, lejn it-tagħlim tal-Papiet, lejn il-Konċilju Vatikan II. Dun Vinċenz, għalih kien hemm kumpass wieħed biss: dak tal-Knisja. Imma għexu ispirat, imħeġġeġ mill-imħabba għall-qalb ta’ Ġesù.

Kien devot lejn San Sebastjan u kien jammira l-kuraġġ ta’ dan is-suldat qalbieni li ta ħajtu għal Ġesù imma kien jifhem ukoll li Sebastjan, qabel ta ħajtu għexa ma’ Ġesù, dewwaq lil sħabu l-għerf u l-hena tal-fidi u kien ukoll għamel għeġubijiet, kien tawmaturgu kif ngħidu fl-innu, f’isem Ġesù. Aħna nitolbu l-interċessjoni tal-qaddisin u nitolbuhom jakkumpanjaw lil ħuna Dun Vinċenz għall-ħlas mistħoqq: ta’ ħajja ta’ fedeltà, ta’ ħajja ta’ servizz, ta’ ħajja ta’ mħabba totali lill-poplu ta’ Alla.

Jekk wieħed jixxennaq għal esperjenza kbira, “l-għerf jaf l-imgħoddi u jintebaħ bil-ġejjieni. Jifhem fis-sengħa tad-diskors, u għandu l-ħila jħoll l-enimmi, jagħraf is-sinjali u l-għeġubijiet, u xi jġibu magħhom l-istaġuni u ż-żminijiet. Għalhekk qtajtha li nieħdu jgħix miegħi għax għaraft li hu jkun mexxej tiegħi fil-ġid u faraġ fl-inkwiet u fl-hemm” (Għerf 8:8-9).

Mhuwiex misteru kbir li tant imħabba tista’ tinġabar fil-qalb ta’ bniedem?

Dun Vinċenz tħabbeb mal-għerf ta’ Ġesù u l-għerf ta’ Ġesù għalih kien mexxej tiegħu fil-ġid u faraġ fl-inkwiet u fl-hemm. U għaliex kien imfarraġ mill-imħabba ta’ Ġesù, b’devozzjoni filjali lejn ommu Marija seta’ jfarraġ lilna wkoll, jagħtina kelma ta’ għerf, kelma li tiggwidak. Qatt ma tumiljak imma terfak, tagħmillek kuraġġ, kont titlaq minn ħdejh sollevat, merfugħ u fuq kollox, maħbub.

U ta’ dan irridu ngħidu grazzi lil Alla, ta’ dan id-don kbir. Mhuwiex misteru kbir li tant imħabba tista’ tinġabar fil-qalb ta’ bniedem? U aħna x’qed nistennew biex skont il-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna nkunu mħeġġin bl-istess imħabba lejn Ġesù u lejn il-proxxmu tagħna?

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:14a,36-41
Responsorju: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
Qari II: 1 Piet 2:20b-25
L-Evanġelju: Ġw 10:1-10

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading