Minn D. Edward Vella
Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, li ma naqblux fuq xi ħaġa hija normali; ma jistax ikun li naqblu f’kollox lanqas ma’ dawk li l-aktar li nħobbu. Il-problema tinħoloq meta nibdew naħsbu li għandna dejjem raġun aħna, u li rriduha dejjem tgħaddi tagħna, u għalhekk ma nkunux kapaċi nċedu. X’jiswa’ li tgħaddi tiegħek jekk imbagħad tkun kissirt xi ħaġa tant għażiża li jkollok bħalma hija relazzjoni għażiża?
Fit-tieni qari tal-lum San Pietru jħeġġeġ lill-komunità tiegħu; ‘Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom. Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett.’ Huwa qiegħed jgħid lilhom u lilna biex qatt ma nitilfu opportunità li nitkellmu fuq il-fidi tagħna, iżda dan dejjem għandu jsir bil-ħlewwa u r-rispett, jiġifieri min ikun jismagħna jrid iħoss li aħna mhux qed nagħmlu dan għax inħossuna superjuri għalih, iżda għax inħobbuh. Jekk dan ma nagħmluħx bi mħabba jkun ħafna aħjar li ma nitkellmu xejn għax nagħmlu aktar ħsara milli ġid.
Biex wieħed jitkellem fuq il-fidi tiegħu l-ewwel net jeħtieġlu jkun kiber hu fil-fidi, u dan isir bis-smiegħ tal-Kelma t’Alla; għalhekk id-dover tagħna lkoll li nieħdu ħsieb tal-fidi tagħna billi nsaqquha bit-tagħlim tal-Evanġelju. Il-fidi hija ġahwra prezzjuża, iżda li faċli nitilfuha, jekk ma nimpenjawx ruħna biex nieħdu ħsiebha; infatti kienu ħafna li tilfuha.
San Pietru jkompli jgħidilna: ‘Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.’ Waħda mill-akbar tentazzjonijiet li x-xitan jagħmel lilna li nemmnu hija li jfesfsilna f’moħħna li aħna aktar tiġina ħażin minn ħaddieħor minkejja li nippruvaw ngħixu ħajja tajba. Dan jagħmlu biex ikiddna u jipprova jaqtagħlna qalbna mit-tajjeb. San Pietru qiegħed jgħidlna sew ħafna li fid-dinja kulħadd għandu jbati, it-tajbin u l-ħżiena, għax it-tbatija hija parti minn ħajjitna. Issa min jipprova jimxi wara Ġesù għandu s-sodisfazzjon li qiegħed ibati għax qed jagħmel it-tajjeb; min ma jagħżilx lil Ġesù f’ħajtu ibati wkoll u mat-tbatija jkollu t-tingiż tal-kuxjenza għaliex ikun qiegħed jagħmel il-ħażin. Il-qaddej ta’ Alla D. Mikiel Attard kien jgħidilna sew ħafna, ‘It’s costly either way’.
Ġesù fl-Evanġelju tal-lum jgħidilna, ‘Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi’. Liema huma dawn il-kmandamenti ta’ Ġesù, li huma tant importanti li ma nistgħux inħobbuh jekk ma nosservawhomx? ‘Hobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. U ħobb lil għajrek bħalek innifsek’ Ġesù jiġbor il-kmandamenti kollha f’wieħed, dak tal-imħabba. Hija l-imħabba li tgħaqqadna mhux biss flimkien, iżda wkoll ma’ Ġesù u għalhekk wkoll mal-Missier. ‘Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier.’ Mela l-imħabba awtentika ddewwaqna l-Ġenna sa minn din id-dinja. Tajjeb għalhekk li nistaqsu lilna nfusna; Jien liema huwa l-kmandament il-kbir tiegħi, jew aħjar liema hija l-aktar ħaġa importanti f’ħajti l-imħabba jew xi ħaġa oħra? Ma ninsewx li aħjar inbatu għax qegħdin nagħmlu t-tajjeb jew għax inħobbu, milli nbatu għax inkunu għamilna l-ħażin jew għax inkunu egoisti.
Mulej Ġesù int biss huwa t-triq waħdanija tal-imħabba, int biss tista’ tgħallimna nħobbu verament, għaliex int l-imħabba mhux biss ippridkajtha iżda għextha saħansitra sa fuq is-salib. Għinna Mulej ħalli nemmnu li hija l-imħabba vera li twassal għar-rebħa tal-qawmien flimkien miegħek, għinna ħalli anke f’dinja li ma għadhiex taf tħobb inkunu aħna li nagħżlu li niżirgħu l-imħabba, konvinti li hija l-ħabba tal-qamħ li taqa fl-art u tmut li tagħti ħafna frott. Ammen.