Memorja tajba. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tal-Għid.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla   

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”. Ġwanni 14, 15-21.

2. Riflessjoni/talba: 

i. Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.

Dak li hemm fil-qalb tal-artista

joħroġ fin-noti li tikkomponi jew iddoqq

fid-daqqiet fuq it-tila, il-kuluri li tagħżel

L-imħabba li hemm f’qalbek

toħroġ fl-għażliet żgħar li tagħmel kuljum

fl-għażliet kbar li juru fejn Alla qed f’ħajtek.

Imma n-noti li ddoqq, il-kuluri li tagħżel

jgħinuk terġa tidħol fil-ġewwieni tiegħek

u ssawwar imħabbtek.

Irrifletti:

  • Fejn qed tesprimi l-imħabba li hemm f’qalbek?

ii. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu.

Qed nirrealizza li anke jien ngħix bħad-dinja

ngħix minn vuċi waħda

tal-akkużatur li jġiegħlni naħseb

li “tajjeb jien, tajjeb kulħadd”

li jien inkun aħjar ladarba taqa’ int

li ħajti ngħixha fil-biża li ma niswiex

u naħtaf jew nirtira biex forsi niswa.

Imma fil-fatt hemm vuċi oħra –

dik tad-Difensur –

ta’ dak li jiġi ħdejja, li jitkellem favur tiegħi,

il-vuċi tal-verità

tal-memorja li jien niswa’ f’għajnejn Alla

il-vuċi tal-imħabba għalija li dehret fi Kristu Ġesù.

Nista’ nfassal ħajti fuq din il-memorja, fuq din il-vuċi.

Irrifletti

  • Liema vuċi l-aktar b’saħħitha bħalissa fik? Tal-akkużatur jew tal-Verità?


iii. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.

Xorta hemm biża fija li jien waħdi:

li nispiċċa waħdi,

li, fl-aħħar mill-aħħar,

ħadd ma jafek u

“ħadd ma jkun jafulek”.

Imma nħares ‘l quddiem

b’fiduċja fil-futur li jagħti l-Irxoxt:

“Ma nħallikomx iltiema.

nerġa niġi għandkok”.

Irrifletti

  • Oqgħod ftit mal-wegħda ta’ Ġesù: “Nerġa niġi għandkom”.

3. Missierna

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading