L-Erbgħa 13 ta’ Mejju 2026, it-2 Erbgħa ta’ Santa Marija: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Ġorġ Preca. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Naħseb li kollha kemm aħna ġejjin minn ġurnata xogħol, u forsi hawn uħud minna li għadhom sejrin għax-xogħol. Ix-xogħol huwa importanti. Mingħajr xogħol ma niklux. Mingħajr xogħol ma nistgħux nieħdu ħsieb ġisimna. U aħna naħdmu ħafna ħin mill-ġurnata, ħafna ġranet mis-sena, u ħafna snin minn ħajjitna. Kulma jmur, l-età tal-pensjoni dejjem timxi ’l quddiem, biex naħdmu u nibqgħu naħdmu u nibqgħu naħdmu. U meta ma jkollniex ix-xogħol li s-soltu nagħmlu, li hu proprju tagħna – forsi x-xogħol mal-Istat jew il-Privat – xorta se nagħmlu xogħol ieħor. Għax ix-xogħol hu importanti.
Imma ejja nirriflettu ftit. Ix-xogħol huwa importanti biex nieħdu ħsieb ġisimna. U l-flus jgħinuna biex nieklu u nieħdu ħsieb dak li għandu x’jaqsam mal-fiżiku tagħna. U aħna noqogħdu attenti li lil ġisimna nieħdu ħsiebu sew… u nagħmlu sewwa! Noqogħdu attenti x’nieklu, x’nilbsu, biex inżommu ċerta dieta, biex ċertu ikel ma nikluhx jekk jagħmlilna l-ħsara; noqogħdu attenti biex jekk nistgħu nagħmlu ftit eżerċizzju, nagħmluh… u nagħmlu sewwa!
Imma jekk nirriflettu ftit, ħafna mill-problemi tagħna, għalkemm nistgħu naħsbu li huma ta’ ġisimna, huma problemi tal-moħħ u tal-qalb. Għax anki jekk timrad, it-tbatija aktar milli tħossha f’ġismek – illum għandna ħafna mediċini li jgħinuna biex ma nħossux it-tbatija –, se tħossha f’moħħok u f’qalbek, fl-ispirtu tiegħek. Ħafna drabi din ninsewha, bħallikieku waqa’ għamad fuqna. It-tbatija kollha kemm hi se ngħixuha l-iktar mhux f’ġisimna, imma f’moħħna u f’qalbna.
U jiġrilna li wara tant snin nispiċċaw nindunaw li ħdimna ħafna biex nieħdu ħsieb ġisimna, u ħdimna ftit li xejn biex nieħdu ħsieb moħħna u qalbna. B’xorti ħażina, nimmaġinaw li anki bil-flus u bix-xogħol nistgħu nieħdu ħsieb moħħna u qalbna. Tant hux hekk li, hekk kif ikollna ftit tad-diffikultà jew tal-inkwiet, immorru nixtru l-mediċini, għax mingħalina li dawn jistgħu jgħinuna, isolvu u jfejqu l-moħħ u l-qalb. Imma nkunu nsejna biċċa kbira, jaħasra!
X’inhi din il-biċċa l-kbira? It-tagħlim – il-formazzjoni tal-moħħ u tal-qalb, li huwa bżonjuż daqs ix-xogħol, daqs il-flus li jgħinuna biex nieħdu ħsieb ġisimna… daqshekk hu importanti! Aħna x’aħna ngħidu? Li l-problemi u d-diffikultajiet kollha, anki tas-saħħa fiżika tal-ġisem, fl-aħħar mill-aħħar bħal f’lembut, imorru f’moħħna u f’qalbna. M’hemmx mod ieħor! Fil-moħħ u fil-qalb, hemmhekk tgħixhom. Il-problemi kollha ngħixuhom fil-ħsibijiet, fl-inkwiet, fil-qalb, hemmhekk ngħixuhom! U ħafna drabi, kif nafu, anki l-ġisem stess jirrispondi għall-problemi li jkollna f’moħħna u f’qalbna. Minn xi mkien, imbagħad, l-inkwiet, l-istress, id-dwejjaq iridu joħorġu fil-problemi tal-ġisem.
Dun Ġorġ Preca jagħtina tagħlima fundamentali imma essenzjali, illi forsi aħna ma tantx nagħtu kasha. Dun Ġorġ lis-soċji tiegħu għallimhom mhux biss li jieħdu ħsieb jgħallmu lit-tfal u jieqfu, imma li t-tagħlim hemm bżonn li wieħed jibqa’ fih sakemm imut, ħajtu kollha. Aħna għandna bżonn li nibqgħu nitgħallmu, biex nedukaw u niffurmaw lil moħħna u lil qalbna ħajjitna kollha. Inkella nkunu żbilanċjati: ikollna l-flus biex nieħdu ħsieb ġisimna, imma m’aħniex kapaċi naffaċċjaw salib, m’aħniex kapaċi nerfgħu marda, m’aħniex kapaċi nittrattaw ma’ kunflitt, ma’ problema. Tkun għalija problema kbira kif nikkonvinċi u nitkellem ma’ wliedi fuq ċerti problemi u diffikultajiet. Għaliex? Għax ma tgħallimtx. Għax ma nafx kif! Għax l-impressjoni x’inhi? Li bl-ispontanjetà, kif jiġini dak il-ħin, nimxi. Le, mhux hekk!
Din hija t-tagħlima l-kbira ta’ Dun Ġorġ: li tmur il-Museum, li tmur f’għaqda, fi grupp, li tifforma ruħek ħajtek kollha, mhix għażla. Mhix xi ħaġa li tista’ tagħmilha jew ma tagħmilhiex! Daqskemm mhix għażla li tmur għax-xogħol! Mhix għażla, għax mingħajr flus ma tikolx. U mingħajr tagħlim inti tispiċċa tieħu ħsieb ġismek, mingħajr ma tieħu ħsieb moħħok u qalbek. U din għandna bżonnha. Jien inħossha ħafna, u ngħidha b’ċerta mħabba imma wkoll b’ċertu toqol… għax tagħlim narawh żejjed, grupp narawh żejjed, Azzjoni Kattolika, Legion, għaqda, komunità… żejda! Jaħasra! Kemm niffrankaw inkwiet u tbatija, kemm inkunu kapaċi ngawdu l-ħajja kif iridna Ġesù, li kieku nibqgħu nagħtu kas mhux biss ta’ ġisimna u tax-xogħol. Aħna ngħidu li naħdmu ħajjitna kollha, u nagħmlu sew, imma rridu nibqgħu nitgħallmu, niffurmaw ruħna wkoll ħajjitna kollha.
Dan hu s-sigriet ta’ Dun Ġorġ. Dan hu l-ġdid ta’ Dun Ġorġ. Dan hu l-kobor ta’ Dun Ġorġ. U din hi l-konvinzjoni ta’ min hu fil-Museum: konvinzjoni kbira u sabiħa għall-ġid tal-bniedem l-ewwel u qabel kollox. Għax imbagħad aħna ngħidu: inti tmut kif tgħix. Min jagħraf jgħix, jagħraf imut. Jagħraf jgħix b’serenità, jagħraf jaffronta d-diffikultajiet – u kollha kemm aħna jkollna d-diffikultajiet. Għalkemm aħna ngħixu bis-sensazzjoni li dak xortih tajba, dik l-oħra xortiha tajba, u jien xortija ħażina. Kollha kemm aħna ngħixu b’dik is-sensazzjoni. ‘Jien xortija ħażina!’, kulħadd hekk jgħid għalih innifsu. L-oħrajn kollha xortihom tajba. Kollha kemm aħna naffaċċjaw il-problemi u d-diffikultajiet.
Il-Mulej lilna pprovdielna lil dan il-qaddis Malti tagħna biex jgħallimna u jurina kemm hu importanti li nibqgħu nitgħallmu, f’kull aspett tal-ħajja. Mhux qed nitkellem biss fuq il-fidi, imma l-fidi wkoll. Għax jekk ix-xogħol, il-flus, il-mediċini, li nieħdu ħsieb saħħitna huwa importanti għal din il-ħajja, għal 80, 90, 100… forsi ’l fuq minn mitt sena. Imma t-tagħlim fil-fidi, il-formazzjoni fil-fidi, dik tiswa għall-ħajja ta’ dejjem.
Ħuti għeżież, m’aħniex għal hawn. Mhux biex nibżgħu, anzi, biex nagħmlu kuraġġ, għax aħna msejħin għall-ħajja ta’ dejjem. Kemm kien jgħidha din Dun Ġorġ: in-Novissmi! Mhux biex iwerwer lin-nies. In-Novissmi huma l-ħwejjeġ tal-aħħar – il-mewt, il-ġudizzju, l-infern u l-ġenna. Mhux biex ibeżża’ lin-nies, imma biex jgħidilna l-għan tagħna fejn hu: il-ħajja ta’ dejjem. U dik bix-xogħol u bil-flus ma nħejjux biżżejjed għaliha. Importanti dawk ukoll, imma mhux biżżejjed biex inħejju għaliha dik il-ħajja. Għandna bżonn tal-formazzjoni fil-fidi.
Dun Ġorġ tant kien konvint mill-importanza tal-formazzjoni kontinwa, hekk li dawn is-soċji tiegħu jibqgħu jmorru jitgħallmu kuljum, sal-ġurnata mqaddsa tal-lum. Għandhomx 80 jew 90 sena, jibqgħu jmorru jitgħallmu kuljum. Forsi m’għandhomx x’jagħmlu? Le, għaliex li titgħallem teduka lil moħħok u lil qalbek, u li taħseb u tara l-ħajja kif jaraha Alla, mhux kif taraha inti biss, din hija importanti biex inti tgawdi kull mument u tagħraf tgħix anki l-iebes tal-ħajja.
Allura t-talba tiegħi lil Dun Ġorġ illejla, għalina, hija din: Dun Ġorġ, inti li kont tħobb daqshekk it-tagħlim, tħobb lil Alla u tħobb daqshekk lill-Maltin u l-Għawdxin: agħtina l-għajnuna biex aħna ma nraqqdu qatt fina x-xewqa li nibqgħu nitgħallmu, b’mod speċjali fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla.