Adorazzjoni f’Għid il-Ħamsin. Sena A

Infakkru b’ferħ u hena

il-jum ta’ ġrajja kbira:

l-Ispirtu, l-Faraġ tagħna,

issawwab fid-dixxipli.               Missierna, Sliema, Glorja

Dehrulhom qishom ilsna

tan-nar fuq ras kull wieħed:

il-kelma tqiegħdet f’fommhom,

l-imħabba tħeġġet f’qalbhom.    Missierna, Sliema, Glorja

U bl-ilsna kollha tkellmu:

inġabret kotra w stagħġbet:

ħasbuhom nies xurbana

lil dawk li mtlew bl-Ispirtu.       Missierna, Sliema, Glorja

Kien tmiem il-Għid Imqaddes

tal-maħfra skont il-liġi:

iż-żmien li temm għalina

l-għemil tas-salvazzjoni.            Missierna, Sliema, Glorja

Għalhekk, f’riġlejk mixħuta,

Spirtu Qaddis, nitolbu:

f’dal-jum solenni u mbierek,

agħtina d-doni tiegħek.              Missierna, Sliema, Glorja

Int, li bil-grazzja tiegħek

qaddist l-ulied mifdija,

agħtina l-maħfra kollha,

bis-sliem fil-għaqda miegħek.    Missierna, Sliema, Glorja

Kun fina, w bid-doni tiegħek

nagħrfu l-Missier u l-Iben

u nemmnu b’fidi sħiħa

li int l-Ispirtu tagħhom.              Missierna, Sliema, Glorja   

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann                                   Ġw 20:19-23

Dak il-Ħadd filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Ftit qabel ma tlajt is-sema, o Ġesú, inti tlabt lill-Appostli biex jibqgħu fil-belt ta’ Ġerusalemm, sa ma sseħħ il-wegħda. Inti wegħdthom li se jirċievu l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-Verità, u huma jsiru xhud tiegħek f’Ġerusalemm, fis-Samarija, u sa trufijiet tal-art. Hija wegħda li seħħet fil-festa kbira ta’ Pentekoste: jinżel l-Ispirtu s-Santu, jwelled il-Knisja, u mill-Appostli sal-ġurnata tal-lum, imexxiha biex tkun sinjal, xhieda tal-preżenza ħajja tiegħek.         (10 sek pawsa)

Mulej, dakinhar tal-Qawmien tiegħek, Inti dħalt f’nofs l-appostli li kienu mbeżgħin u mifxulin; u imlejthom bil-ferħ tiegħek: tajthom il-paċi tiegħek; il-paċi li jagħti s-serħan, li timla l-qlub bis-serenità. U hemm infaħt fuqhom in-nifs tiegħek: nifs li jagħti l-ħajja: Ħudu l-Ispirtu s-Santu.  (5 sek pawsa)

Illum, ukoll, f’kull talba li nagħmlu, f’kull Sagrament li niċċelebraw, f’kull Kelma ta’ Alla li nisimgħu, qed nerġgħu niġġeddu b’din iż-żiffa ħelwa tal-Ispirtu s-Santu, b’dan ir-riħ qawwi li jsaffina u li jqaddisna. Ejja Spirtu Qaddis, u ġedded il-wiċċ tal-art.

Silenzju                 2 min

U dakinhar tal-Qawmien mill-imwiet tiegħek, o Ġesú, Int, mhux biss imlejt lill-appostli bil-ferħ u l-paċi tiegħek; mhux biss infaħt fuqhom l-Ispirtu Qaddis tiegħek, imma li tajtulhom għal skop preċiż: għall-maħfra tad-dnubiet; jiġifieri biex tħabbeb mill-ġdid l-erwieħ, biex tarmoniża l-qlub imċarta mill-ħażen, imfarrka mill-ġrieħi, mifruda minn xulxin minħabba s-sens ta’ ħtija.  (5 sek pawsa)

L-Ispirtu biss jerġa’ jġib l-armonija fil-qalb. Jekk irridu l-armonija, ejjew inħalluh jaħdem fina, u mhux infittxu l-ferħ fil-ħwejjeġ tad-dinja, li jħalulna biss vojt u konfużjoni. Ejjew nistaqsu ftit lilna nnfusna: jien doċli għall-armonija tal-Ispirtu? Jew infittex il-proġetti tiegħi, l-ideat tiegħi, mingħajr ma nħalli lilu jagħġinni u jibdilni?   (10 sek pawsa)

Il-Mulej tani l-grazzja tal-maħfra tiegħu, tani l-paċi tiegħu. U jiena naħfer?

Ejja Spiritu tal-maħfra, armonija tal-qalb, ibdilni kif taf int, permezz ta’ Marija.

Silenzju                 3 min

Innu: ____________

Talbiet tal-Komunitá

Alla l-Missier ġabar il-Knisja tiegħu permezz ta’ Ibnu Ġesú Kristu. B’xhieda ta’ ferħ, nitolbuh u ngħidulu:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Inti ssejjaħ l-insara kollha li ħadu magħmudija waħda u tridhom jingħaqdu ġemgħa waħda fl-Ispirtu: agħmel li dawk kollha li rċevew il-fidi jkunu qalb waħda u ruħ waħda bejniethom. Ngħidu flimkien:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Int ridt id-dinja kollha timtela bl-ispirtu tiegħek: agħmel li l-bedmin kollha jaħdmu id f’id biex jibnu d-dinja fuq il-ġustizzja u l-paċi. Ngħidu flimkien:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Inti ġġedded kollox bl-Ispirtu tiegħek: fejjaq lill-morda għeżież tagħna, farraġ l-imnikktin, agħti s-saħħa lil kulħadd. Ngħidu flimkien:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Ftit ġranet ilu, bl-Ispirtu s-Santu ikkonsagrajt tliet saċerdoti ġodda: nitolbuk biex tberikhom u tqaddisshom. Ngħidu flimkien:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Int tajtna, Mulej, l-Ispirtu tal-verità kollha: Ibgħatulna ħa jgħallimna kollox u jqawwina bid-doni tiegħu ħa nagħtu xhieda tiegħek quddiem id-dinja. Ngħidu flimkien:

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fil-Knisja.

Ejjew fis-skiet ta’ qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading