Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt ir-Regina Caeli f’Għid il-Ħamsin

IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd tal-Pentekoste 24 ta’ Mejju, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

F’dis-Solennità ta’ Pentekoste għandna sejħa biex nikkuntemplaw id-don tal-Ispirtu s-Santu msawwab b’abbundanza fuq il-Knisja bikrija u, illum, irregalat mill-ġdid lill-membri tagħha bħala dawl u qawwa li jakkupanjawhom f’kull sitwazzjoni tal-ħajja.

Nistgħu nieqfu fuq aspett tal-immaġni tal-Ispirtu li ttina l-Liturġija tal-lum: L-Ispirtu jiftaħ il-bibien.  Infatti, l-Evanġelju jgħidilna: “id-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa (Ġw 20,19) u fl-istess ħin, il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkuntalna li l-Ispirtu wasal bħala riħ qawwi (cfr Atti 2,2), li fetaħ dawk il-bibien, xpruna lid-dixxipli biex joħorġu u jibdew ixandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu Rxoxt,

Illum nistgħu nsaqsu lilna nfusna: liema bibien jiftaħ l-Ispirtu s-Santu?

L-ewwel bieb hu dak ta’ Alla nnifsu, fis-sens li jiftaħna għall-misteru ta’ Alla, kif irrivelat f’Ġesù Kristu.  Bid-don tal-Ispirtu tiegħu, Alla jirregalalna l-fidi vera, jgħinna nifhmu s-sens tal-Iskritturi, jgħarrafna l-qrubija tiegħu u jdaħħalna sehem mill-istess ħajtu.  L-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħmlu esperjenza personali ta’ Alla, niltaqgħu miegħu f’Ġesù mhux bl-osservanza tal-liġi biss, biex nagħrfuh fina u biex niskopru s-sinjali tal-preżenza tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

It-tieni bieb hu dak taċ-ċenaklu, jiġifieri l-Knisja.  Mingħajr in-nar tal-Ispirtu l-Knisja tibqa’ lsiera tal-biża’, imbeżża’ quddiem l-isfidi tad-dinja, magħluqa fiha nfisha u għalhekk bla ħila li tidħol fi djalogu maż-żminijiet li qed jinbidlu.  L-Ispirtu jiftaħ il-bibien tal-Knisja biex tkun akkoljenti u tilqa’ lil kulħadd anki lil dawk li lil Alla għalqulu l-bieb, lill-oħrajn, għat-tama, għall-ferħ tal-ħajja.  Kif kien jgħid il-Papa Franġisku, aħna msejħin biex inkunu “Knisja li tbierek u tinkoraġġixxi (…) Knisja bil-bibien miftuħin għal kulħadd” (Omelija waqt il-Quddiesa tal-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 4 ta’ Ottubru, 2023).

Fl-aħħar, l-Ispirtu s-Santu jiftaħ il-bibien ta’ qlubna, jgħinna negħlbu r-reżistenzi, l-egoiżmi, id-diffidenzi, il-preġudizzji u jtina l-ħila li ngħixu bħala ulied Alla u bħala aħwa bejnietna.  Fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej tinbet il-fraternità bejn il-persuni, il-gruppi, il-popli tal-Art u kulħadd ikun jitkellem il-lingwa waħdanija tal-imħabba, li tgħaqqad u tarmonizza d-diversità.

Ħuti, fi żmienna wkoll, speċjalment f’dal-jum tal-Penetekoste, għandna ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu, biex jiftaħ il-bibien kollha li għadhom magħluqin.  Hemm bżonn nerġgħu niskopru lil Alla bħala l-Missier li jħobbna, li jibni Knisja fejn kuħadd iħossu milqugħ u biex iseddaq il-fraternità f’dinja li fiha ssaltan il-paċi bejn il-popli kollha.

Bħall-ewwel dixxipli aħna għandna fiduċja fl-interċessjoni tal-Verġni Marija,  Għamara tal-Ispirtu s-Santu u Omm il-Knisja.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti,

illum hi l-Ġurnata ta’ talb għall-Knisja fiċ-Ċina, fit-tifkira liturġika tal-Beata Verġni Għajnuna tal-Insara, meqjuma b’devozzjoni kbira fis-santwarju ta’ Shenshan, f’Shanghai.  Nagħqdu t-talb tagħna ma’ dak tal-Kattoliċi Ċiniżi bħala sinjal ta’ għożża u tal-għaqda tagħhom mal-Knisja universali u mas-Suċċessur ta’ Pietru.  Jalla l-interċessjoni tas-Sultana tas-Sema taqla’ l-grazzja tal-għaqda lill-komunità ta’ kredenti fiċ-Ċina u tagħti lil kulħadd il-qawwa li jkunu xhieda tal-Evanġelju fit-toqol tal-ħajja ta’ kuljum, sabiex ikunu żerriegħa tat-tama u tal-paċi.  Ninvoka l-paċi eterna, partikolarment, għall-vittmi tal-inċident li seħħ dal-ġranet f’minjiera fit-tramunatana taċ-Ċina.

F’idejn Marija Santissma, Għajnuna tal-Insara, nqiegħdu wkoll il-komunitajiet Kristjani tal-Art Imqaddsa, tal-Libanu u tal-Lvant Nofsani kollu, li għaddejjin mit-tbatija minħabba l-gwerra.

U issa nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi!  Insellem b’mod partikolari lill-grupp ta’ persuni b’diżabbiltà mill-Polonja; kif ukoll lill-pellegrini li ġew bir-roti minn Kelmis, fil-Belġju, nfiriħilkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd ta’ Pentekoste t-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading