Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl

SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI PIETRU U PAWLU
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
It-Tnejn 29 ta’Ġunju, 2026

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw is-solennità tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, Patruni ta’ Ruma.  Dil-festa tfakkarna fir-rabta li tgħaqqad f’komunjoni ta’ fidi u karità l-Knisja li hawn f’Ruma mal-Knejjes l-oħra kollha tad-dinja.

Ix-xhieda ta’ dawn iż-żewġ Appostli kważi hi s-siġill tat-testment il-Ġdid.  Demmhom imxerred f’dil-belt juri sa fejn tasal l-imħabba t’Alla li rregalalna l-Mulej Ġesù.  Tabilħaqq, hu permezz ta’ kelmthom u l-martiju tagħhom li l-Evanġelju ta’ Kristu, biex ngħidu hekk, tħawwel f’Ruma, biex propju hawn, fil-belt kapitali tal-imperu, dan l-Evanġelju juri l-qawwa tiegħu li jġedded: għarfien ġdid ta’ Alla u tad-dinjità infinita ta’ kull bniedem, esperjenza ġdida ta’ forza, mhux bħala dominju, iżda bħala servizz għall-ħajja.

Illum ukoll, il-Mulej li miet u rxoxta għall-imħabba, li jinsab preżenti bis-saħħa tax-xhieda tiegħu, jasal fiċ-ċentri u fil-periferiji, fil-bliet kapitali u fir-reġjuni l-aktar remoti, bl-ilħna, bl-uċuħ, bl-għażliet kuraġġużi ta’ min ta widen għall-istedina tiegħu: “Ejja warajja!”  Hekk, dan il-jum ta’ festa jinvolvi lilna wkoll  fil-missjoni ta’ Pietru u Pawlu, jiġifieri fil-missjoni ta’ Ġesù nnifsu.  Alla għandu fiduċja fina, aħna li aħna midinbin maħfura minnu, fiduċja fina li m’aħniex perfetti, sabiex fl-istejjer tagħna tibbrilla l-grazzja tiegħu, tidher il-qawwa tiegħu li l-ħażen tibdlu f’ġid.

Għeżież, forsi Pietru u Pawlu ftit li xejn setgħu jkunu daqstant differenti minn xulxin.  Differenti fl-oriġini, bħala formazzjoni, bħala karattru; mhux biss qabel, iżda anki wara li rċevew is-sejħa, u l-Mulej waħdieni tagħhom ma għamilhomx kopja ta’ xulxin.  L-Evanġelju jinftiehem u jitħabbar minn kull wieħed minnhom b’aċċent speċifiku; huwa l-Ispirtu s-Santu, mill-ispirazzjoni li ta lill-awturi bibliċi, li ried li d-differenzi ta’ bejniethom ma jibqgħux mistura, u li fil-fatt, ikunu rrakkuntati lilna bħala aħbar tajba.  Però, fix-xirka tal-Appostli, Pietru u Pawlu ma kinux avversarji.  Bil-maqlub, saru qieshom is-simbolu ta’ bosta aktar diversitajiet li l-Ispirtu l-waħdieni sawwar f’għaqda waħda.  B’hekk, il-Patruni tal-Knisja u ta’ Ruma għexu l-ħlas tal-komunjoni, għarfuh, servewh u ħabbruh bħala sagrament tal-ħajja divina.  Ix-xhieda tagħhom kienet kontribut determinanti biex il-preżenza Kristjana fl-istorja ma timmirax għad-dominju, iżda għas-servizz, għall-għaqda u għar-rikonċiljazzjoni.

Jalla l-Mulej, bl-interċessjoni tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, itina l-grazzja li napprezzaw dejjem aktar il-kattoliċità tal-Knisja, nagħfru l-valur tagħha fis-servizz għall-għaqda fraterna bejn il-bnedmin u l-popli u tevita dak li jnawwar u jferi l-komunjoni, tippersevera fil-mixja ekumenika u fid-djalogu attent u sinċier ma’ kulħadd.

Jalla Marija, Sultana tal-Appostli, tipproteġi dejjem lill-Poplu t’Alla, f’Ruma u fid-dinja kollha.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Illum qed niċċelebraw il-Jum tal-Obolo di San Pietro.  Irrodd ħajr minn qalbi lil dawk kollha li bl-għajnuna li jagħtu jwieżnu l-ministeru tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru.  Ejjew inkomplu mexjin flimkien fil-fidi u fl-għaqda.

Fil-festa tal-Qaddisin Patruni tagħna, insellem lir-Rumani u lil dawk kollha li jgħixu f’dil-belt.  Ħsiebi, marbut mat-talb, idur lejn il-morda, il-persuni waħedhom, il-ħabsin.  Irrodd ħajr lill-kappillani u lis-saċerdoti kollha għax bil-preżenza tagħhom u s-servzz li jagħtu ta’ kuljum iżommu tħabbat il-qalb kbira nisranija.

Insellem lill-volontarji tal-Pro Loco tal-Italja li ħejjew l-infjorata tul Via della Conciliazione u fi Pjazza Pio XII.  Grazzi u kumplimenti!  Nirringrazzja wkoll  li dawk li organizzaw il-“Girandola di Castel Sant’Angelo”, li dis-sena kienet iddedikata lil San Franġisk u l-poeżija tiegħu, “il-Kantiku tal-Ħolqien”.  Hieni nilqa’ wkoll liż-żewġ Konfraternitajiet: l-Ispanjola “Nuestra Señora del Carmen del Camino de Zamora” u dik tal-Agonzzanti, minn Artena.

Insellem lill-persuni bla saqaf li llum jinsabu fi Pjazza San Pietru biex iqassmu “L-Osservatore di Strada”, suppliment tal-“Osservatore Romano”.  Grazzi u awguri lil dawk kollha li jmexxu dan il-ġurnal!

U l-festa t-tajba lil kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading