Omelija għas-16-il Ħadd matul is-Sena A.

Minn D. Edward Vella

Forsi qatt daqs iż-żminijiet reċenti ma kien jidher li d-dinja bħal sejra f’direzzjoni żbaljata. Il-ħażen dejjem kien jeżisti fid-dinja, però jiġi żmien li fih ikun qisu jrid jibla d-dinja. Quddiem il-ħażen tad-dinja, il-bniedem li jemmen ma jistax ma jistaqsix, ‘Alla fejn hu, kemm hu silenzjuż, kif jissaporti daqshekk? Alla kif ma jintervjenix biex jeqred il-ħażen mid-dinja?’  Il-paċenzja ta’ Alla tista’ tidrilna kważi skandaluża.

Fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, Ġesù jrid jgħidilna li l-qamħ u s-sikrana jeżistu mhux biss fid-dinja iżda sfortunatament ukoll fil-Knisja; infatti huwa jibda l-parabbola billi jgħid, ‘Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu.’ Bis-‘Saltna ta’ Alla’, Ġesù jfisser dik is-saltna mwaqqfa minnu li tibda l-mixja tagħha f’din id-dinja, iżda li tilħaq il-milja tagħha fis-Sema, jiġifieri l-Knisja jew il-poplu t’Alla. Fid-dinja/fil-Knisja hemm ukoll iż-żerriegħa l-ħażina jew is-sikrana. L-espressjoni ta’ Ġesù ‘Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad’ forsi tiskantana, iżda kieku Alla kellu jkun dejjem lest biex kull min jagħmel il-ħażen jikkastigah min minna jeħlisha għal kollox?

Fl-ewwel qari tal-lum smajna, ‘Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja, u, għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd tagħder.’ Interessanti ħafna li s-setgħa tal-Mulej hija l-għajn tal-ġustizzja tiegħu; dan ifisser il-ħażen tad-dinja, kbir kemm huwa kbir, quddiem il-qawwa ta’ Alla ma huwa xejn. Huwa aħna, għax naraw li l-ħażen donnu ser jibla d-dinja, u lilna, li nkunu rridu lil Alla jintervjeni u jeqred lill-ħażin. Minn naħa tiegħu Alla jaf li, li kieku jagħmel hekk, min ser jeħlisha għal kollox? ‘Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek, li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom’ Quddiem id-dnub tad-dinja Alla jistenna, jikkundanna d-dnub però jistenna bil-paċenzja kollha lill-midneb biex jindem u jersaq lejh mill-ġdid. ‘Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq bil-ħniena; lilna tmexxina bi tjieba kbira.’

San Pawl jgħidlna fit-tieni qari tal-lum li quddiem id-dnub tagħna u tad-dinja, in-nisrani flok jikkundanna u jitlob il-kastigi ta’ Alla, ikun ħafna aħjar jekk jitlob għalih innifsu, konxju li huwa midneb ukoll, u jitlob għal midinbin oħra. ‘l-Ispirtu,jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu.’ Ġesù jgħidilna li ma għandniex naqtgħu qalbna jekk l-ħażen tad-dinja jidher kbir, u t-tajjeb jidher żgħir, għaliex dan, bħaż-żerriegħa tal-mustarda jew bħall-ħmira, għandu l-qawwa li jikber u jibdel id-dinja. Niftakru dejjem li ‘siġra x’ħin taqa’ tagħmel ħafna aktar ħoss minn foresta qiegħda tikber’.

Fl-aħħar Ġesù jwissina li dan iż-żmien li fih Alla jistenna ma jibqax għal dejjem. Aħna lkoll bħal qamħ u s-sikrana għad irridu ngħaddu mill-esperjenza tal-ħsad. Tajjeb nistaqsu: fuq liema naħa  ser inkunu? Dak li jagħmel id-differenza kollha huwa kemm qegħdin naċċettaw lil Ġesù u l-Kelma tiegħu bis-serjetà f’ħajjitna jew le.

Mulej Ġesù quddiem il-Kelma tiegħek li ssalvana, aħna nagħrfu x-xejn tagħna, nagħrfu kemm aħna limitati. Għenna ħalli quddiem id-dnub tad-dinja, ma ngħaġġlux niġġudikaw u nikkundannaw, iżda ngħaġġlu nitolbu l-ħniena tiegħek għalina u għall-ħutna kollha, konxji li aħna lkoll midinbin li jeħtieġu l-ħniena tiegħek. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading