Id-Dekadenza u l-waqgħa tal-Imperu Ruman – 2

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (30)

Żewġ Imperaturi tfal

Arcadius, li kellu 16-il sena meta ħa l-poter, ma kienx tajjeb biex imexxi. Honorius, li kellu 10 snin, kien agħar minnu. Kien għadu tifel żgħir meta sar il-mexxej assolut tal-Imperu tal-Punent u donnu qatt ma kiber. Tmienja u għoxrin sena wara, meta bilkemm kien jinħass bħala Imperatur, mentalment kien għadu tifel. Kien moħħu fil-ħmerijiet.

L-imperatur Honorius

Ħuh Honorius ma kienx dak il-ġeneral li jmexxi armati huwa stess. Allura s-setgħa tal-armata għaddiet f’idejn ġeneral nofsu Ruman u nofsu Vandalu, li kien jismu Stilicho. Il-Vandali kienu tribù Ġermaniku ieħor li Theodosius kellu jħabbat wiċċu magħhom.

Mat-tmiem ta’ Theodosius, kull tribù ta’ barbari malajr iddeċieda li jara kemm jista’ jidħol ‘il ġewwa fil-qalba tal-Imperu. Biex iżomm fis-sgur lil Honorius, li ma kienx ħlief figura bla saħħa, filwaqt li l-battalji ħraxu fl-istess Italja, il-ġeneral Stilicho ssuġġerixxa li Honorius jitlaq mill-kapitali tiegħu Milan, li kienet dejjem qrib il-ġlied, u jmur Ravenna, belt fuq ix-xtajta li setgħet faċilment tiġi difiża u kienet ‘lil hemm min-naħat li kienu mira għall-invażuri.  Għalhekk Honorius għadda l-bqija ta’ ħajtu f’Rovenna, mehdi b’dak li nteressah tassew, li jrabbi t-tjur.

Stilicho kien ġeneral ta’ ħila li rexxielu jżomm lura lill-Goti sas-sena 408. F’dik is-sena,  Honorius wera l-karattru li kellu tiegħu minbarra li jiggosta t-tjur tiegħu: ingratitudni kiefra.  Mogħwi minn kbarat għajjura ta’ madwaru, bagħat lil Stilicho għall-mewt flimkien mal-uffiċjali kollha tiegħu ta’ esperjenza. U mingħajr l-ebda Stilicho li jfixkel il-mixja tiegħu, Alaric u l-ġgjajta Gotika tiegħu imxew ‘l isfel lejn Ruma u assedjaw il-belt. Alaric stenna biex Honorius joffrilu t-termini tiegħu ta’ paċi. Imma Honorius, li kellu ġenju spettakulari għal ħwejjeġ żbaljati fil-ħin żbaljat, ma riedx jinnegozja, qisu li mhemm xejn x’tinnegozja. Allura Alaric assedja lil Ruma u ħalla b’kull ħaġa li seta’ jġorr..

Għaliex Ruma waqgħet?

Waħda mit-tweġibiet hi li Honorius kien nieqes minn kull kwalità li tagħmlu mexxej. Imma għan-nies ta’ dak iż-żmien, il-mistoqsija jixirqilha iktar minn tweġiba bħal din. Kienu 800 sena minn meta Ruma ġiet mirbuħa minn għadu barrani. Xi ħaġa ħażina kien hemm.  

Waħda minnhom hi li għadd kbir ta’ pagani fost il-klassi għolja konservattiva Rumana kellhom tweġiba sempliċi: li huma l-Insara li jaħtu għal dan. Għax l-allat antiki pagani dejjem ipproteġew lil Ruma, imma issa ma baqgħux jingħataw il-qima li tixirqilhom, u b’hekk kienu inkurlati.

Refuġjati ħarġu bil-gżuż minn Ruma bil-baħar lejn l-Afrika, l-aktar dawk mill-klassi għolja għalkemm ħafna ma setgħux iħallsu biex jagħmlu l-vjaġġ. Santu Wistin sama’ l-argumenti tagħhom dwar li l-Insara kienu l-ħtija tal-waqgħa ta’ Ruma, u ħass li d-dinjia jistħoqqilha tweġiba. Għalhekk beda jikteb. Seta’ mela ftit karti, imma aktar ma ħaseb fuq is-suġġett, aktar ra li hemm ħafna x’tirrifletti u x’tikteb.  Spiċċa biex kiteb l-itwal xogħol elaborat tiegħu, u l-iktar famuż wara ‘l-Istqarrijiet’ tiegħu: ktieb massiv bl-isem ta’ ‘Il-Belt ta’ Alla’.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading